Ir-Road Running Series ta’ Athletics Malta terġa’ lura nhar il-Ħadd li ġej bit-tieni tellieqa minn tlieta, din id-darba fuq rotta ta’ 10km f’Ta’ Qali. Din it-tellieqa għandha importanza ulterjuri hekk kif barra li tifforma parti mis-Serje, isservi wkoll bħala l-Kampjonat Nazzjonali tal-10k, li tistabbilixxi ċ-champion nazzjonali fuq din id-distanza għal dan l-istaġun.
Shaun Galea u Joelle Cortis jinsabu fil-vantaġġ fis-Serje, wara li rebħu l-ewwel tellieqa aktar kmieni dan ix-xahar f’Wied il-Għajn. Fost il-klabbs, Evolve Endurance Club jinsabu quddiem Mellieħa AC fil-kategoriji tal-irġiel u nisa.
Filwaqt li l-istaġun tal-ġiri fit-toroq diġà wasal f’punt li jistabbilixxi rebbieħa nazzjonali, l-atleti tat-trakka qed jirritornaw lura gradwalment għall-attività agonistika, bi staġun impenjattiv ieħor quddiemhom.
Filfatt, nhar is-Sibt li ġej, Athletics Malta se torganizza l-ewwel Pre-Season Meeting fit-trakka tal-Marsa, li fih l-atleti se jkunu jistgħu jaraw fhiex inhi l-kundizzjoni tagħhom fl-avvenimenti preferiti tagħhom, u b’hekk jirreġistraw l-ewwel sprints, qbiż u tfigħ tal-istaġun.
L-attività fil-Matthew Micallef St John Stadium issa diġà ilha għaddejja ħmistax, fejn fl-aħħar żewġ tmiem il-ġimgħa ġew organizzati Multi-Events għall-kategoriji ż-żgħar. Madwar 200 atleta ħadu sehem f’avvenimenti differenti, u kisbu esperjenza u prattika f’dixxiplini differenti.
Il-kunċett ta’ Multi-Events kien introdott għall-ewwel darba minn Athletics Malta din is-sena u huwa riflessjoni tal-aqwa prattika fuq livell internazzjonali. Dan il-kunċett jinkoraġġixxi lill-atleti ż-żgħar biex ma jikkompetux biss f’xi dixxiplina li ġeneralment jeċċellaw fiha iżda jippruvaw dixxiplini differenti. Dan huwa meqjus bħala mezz importanti biex isaħħu l-koordinament, bilanċ, aġilità u saħħa fiżika tagħhom.
//= $special ?>