Lokali

“Preċedent perikoluż” minn naħa tal-Awtorità tax-Xandir

L-IĠM turi solidarjetà ma’ Andrew Azzopardi u l-istazzjon RTK wara li dawn ġew immultati mill-Awtorità tax-Xandir.

L-IĠM ma jaqbilx mad-deċiżjoni tal-Awtorità fuq ilment li sar dwar il-preżentatur minn Imperium Europa u Norman Lowell.

L-IĠM iqis li l-kummenti li kien għadda Azzopardi waqt il-programm dwar sentimenti razzisti u xenofobiċi tas-sur Lowell kienu bbażati fuq fatti li ħarġu minn sentenzi tal-qorti. Azzopardi kellu wkoll d-dritt jargumenta li nies li huma razzisti ma jkunux mistiedna fuq il-programm tiegħu.

Din taqa fil-aparametri tal-liberta ta’ l-espressjoni.

Nifhmu wkoll li persuna li tissemma f’programm għandu jkollha d-dritt tar-risposta jekk l-intenzjonijiet jew l-azzjonijiet tagħha ikunu misrappreżentati jew tkun suġġetta għal malafama, kif wara kollox jgħid l-Att dwar il-Midja u Difamazzjoni.

Madankollu, l-IĠM iħoss li l-preżentatur ibbaża l-agument tiegħu fuq fatti li ħarġu minn sentenzi tal-qorti u għalhekk ma kienx hemm l-obbligu li Lowell jinstema’ bilfors. Minkejja dan, l-istazzjon offra d-dritt tar-risposta li fuqha ma kienx hemm qbil.

Jekk Lowell ħassu malafamat seta’ jfittex is-sodisfazzjoni fil-qorti u mhux jitlob deċiżjoni mingħand l-Awtorità tax-Xandir li f’dan il-każ aġixxiet bħala akkużatur u ġudikant fl-istess ħin.

L-IĠM juri t-tħassib tiegħu wkoll għall-fatt li s-segretarju tal-bord tal-Awtorità, Dr Adriano Spiteri, kien membru attiv ta’ Imperium Europa sa ftit tas-snin ilu, sitwazzjoni li tixħet dubju fuq l-imparzjalità tal-bord, bħalma hu inkwetanti li l-ħatra tal-bord tiddependi biss fuq persuni nominati miż-żewġ partiti politiċi rappreżentati fil-parlament.

Għaldaqstant l-IĠM ma jistax jaqbel ma’ din id-deċiżjoni inġusta li tiftaħ il-bieb għal preċedent perikoluż fejn kulmin jidhirlu li sofra trattament inġust ifittex sodisfazzjon mingħand l-Awtorità.