Hija ta’ stmerrija li l-Avukat ta’ l-Istat Chris Soler jagħmel pressjoni fuq l-Imħallef Giovanni Grixti biex jirtira r-rekuża tiegħu u jkompli jisma’ l-kawża li għamel il-Partit Nazzjonalista biex jiġu rkuprati l-miljuni ta ewro misruqa lill-poplu Malti minn Vitals u Steward b’kompliċità mal-Gvern.
M’għandha ssir l-ebda pressjoni morali fuq il-ġudikant li jkompli jisma’ l-kawża meta huwa iħoss li għandu kunflitt t’interess u dan fl-interess tal-ġustizzja għaliex il-ġustizzja mhux biex trid issir iżda trid tidher li qed issir. Dan kollu jfisser ukoll tnaqqir tal-libertà tal-ġudikant.
Fir-riposta tiegħu fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili għar-rikors li ressaq l-Avukat ta’ l-Istat l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li akkost ta’ kollox l-Avukat ta’ l-Istat irid li l-Imħallef jibqa’ jisma’ l-każ meta ddikjara li ma jridx ikollu kunflitt ta’ interess fih minħabba xogħol li l-partner tiegħu għandha, fejn qed tidher bħala “kuratur” f’isem Steward Healthcare.
Fir-rikors tiegħu tat-23 ta’ Jannar 2024, l-Avukat tal-Istat jippretendi li jista’ jisfida d-deċiżjoni tal-Imħallef sedenti li jirrikuża ruħu mill-kawża odjerna għax jippretendi li ma ġewx segwiti l-proċeduri kif imfissra fl-Artikolu 735 tal-Kap. 12 tal-Ligijiet ta’ Malta.
Ir-risposta tgħid ukoll li ħadd mill-partijiet ma’ jista’ jisfida d-deċiżjoni tal-Imħallef għall-astenzjoni jew rikuża tiegħu jekk huwa iħoss li taħt l-Artikolu 733 tal-Kap 12 tal-Ligijiet ta’ Malta hemm raġuni biżżejjed li jastjeni minħabba l-fatt li l-partner tiegħu ġiet appuntata kuratriċi għall-parti nvoluta.
Dr. Bernard Grech qal ukoll li l-Imħallef Giovanni Grixti kien korrett li jekk huwa ħass li huwa għandu jirrikuża ruħu minħabba dan il-kunflitt li l-partner kienet qed tirrappreżenta lil Steward Healthcare, fost persuni indizzjati f’din il-kawża li qiegħdin jiġu mitluba li jittieħdu azzjonijiet kontra tagħhom għar-rifużjoni tad-danni sofferti mill-Poplu Malti u Għawdxi.
Dan tramite fost affarijiet oħra meħtiega fl-Arbitraġġ Internazzjonali oltre fil-mertu ta’ din il-kawża kif qed jigi mitlub fil-kawża odjerna. Ħadd mill-partijiet ma jista’ jisfida d-deċiżjoni tal-Imħallef, u dan fl-ahjar amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Mhuwiex minnu wkoll li l-Imħallef Grixti ma segwiex il-prassi tal-Artiklu 735 tal-Kap. 12 tal-Ligijiet ta’ Malta, stante li dan id-digriet ingħata fil-Qorti bil-miftuħ kif jirriżulta mill-verbal tal-kawża tas-seduta tat-22 ta’ Jannar 2024, imma anki jekk dan ma ingħatax fil-Qorti bil-miftuħ, alternattivament l-Imħallef jista’ jgħati d-digriet ta’ rikuża“bil-miktub.
F’dak il-każ, id-dikjarazzjoni għandha titqiegħed fir-reġistru qabel il-ġurnata tas-smigħ tal-kawża, u biha għandhom jiġu mgħarrfin il-partijiet”. Il-partijiet ġew mgħarrfin ukoll qabel is-seduta bid-deċiżjoni tal-Imħallef sedenti b’email u digriet mibgħut b’forma elettronika li l-partijiet irċivew qabel is-seduta tat-22 ta’ Jannar 2024.
L-Imħallef mhux biss tah id-digriet fil-Qorti bil-miftuħ, imma qabel tali qari tad-digriet bil-miftuħ fl-awla, huwa bgħatt javża lil partijiet bid-deċiżjoni li kien ħa bil-miktub.
Wieħed ma jistax jifhem għaliex l-Avukat tal-Istat għandu joggezzjona għad-deċiżjoni tal-Imħallef li saret in ottemporanza mal-Ligi u fil-liberta’ sħiħa tiegħu, u qiegħed jittenta jisfurzah sabiex jisma’ u jiddeċiedi kawża.
Għax dan qed jikkontendi huwa fis-sapjenza tiegħu jħoss li ma jistax jagħmel ġustizzja għaliex għandu kunflitt minħabba li l-partner tiegħu kienet qiegħda tirrapprezenta parti li għandha nteressi fl-eżitu ta’ din il-kawża stante li hija kienet kompartecipi għall-pubblikazzjoni l-att tar-rexxissjoni relattiv.
L-ironija ta’ dan kollu hu illi l-Avukat tal-Istat u l-Kabinett tal-Ministri tramite l-konsulenti legali tagħhom ippretendew illi d-dikkjarazzjoni li għamel l-Imħallef fl-ewwel seduta tal-kawża fejn iddikjara r-relazzjoni familjari tiegħu mal-kompjant Tabib Charles Grixti li kien taha l-approvazzjoni tiegħu għall-idonieta’ tas-soċjeta’ Vitals illum Steward Healthcare biex imexxu l-isptarijiet Maltin, kienet pressjoni mill-Kap tal-Oppożizzjoni Avukat Dottor Bernard Grech u tal-Avukat Dottor Adrian Delia.
Pero’ issa l-Avukat tal-Istat ma jara’ xejn ħażin illi jagħmel pressjoni fuq l-Imħallef sedenti li jkompli jisma’ l-kawża meta l-kuxxjenza tiegħu jħoss li għandu kunflitt.
Id-deċiżjonijiet tal-Imħallfin ta’ rikuża għandhom jiġu rispettati mill-partijiet u mill-konsulenti legali tagħhom u m’għandha ssir l-ebda pressjoni morali fuq il-ġudikant li jkompli jisma’ l-kawża meta huwa iħoss li għandu kunflitt t’interess u dan fl-interess tal-ġustizzja għaliex il-ġustizzja mhux biex trid issir iżda trid tidher li qed issir.
Barra minn hekk digriet ta’ rikuża mhuwiex appellabbli ai termini tal-artikolu 738(1) tal-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta u għalhekk l-Avukat tal-Istat ma jistax jippretendi li jagħmel pressjoni fuq l-Imħallef mingħajr ma kien hemm ebda bdil fiċ-ċirkostanzi illi jbiddlu il-fehma tal-Imħallef dwar il-kunflitt li l-istess Imħallef għarraf li għandu, aktar u aktar meta dan il-kunflitt gie mqajjem mill-Imħallef di sua sponte.
Ir-risposta tal-Avukat Bernard Grech tgħid li l-pressjoni ndebita tal-Avukat tal-Istat hija ta’ stmerrija u għandha tiġi mċanfra għaliex qiegħda tintralċja l-liberta’ tal-Imħallef sedenti li jiddeċiedi fuq ir-rikuża tiegħu gialadarba jħoss li għandu kunflitt minħabba ċ-ċirkostanzi hawn fuq spjegati. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Imħallef bid-digriet tiegħu saret skont tal-liġi u kull pressjoni magħmula mill-Avukat tal-Istat għar-revoka tad-digriet ta’ rikuża hija frivola, vessatorja, abbużiva, illeċita u tintralċja l-liberta’ tal-Imħallef fid-deċiżjonijiet li jħoss li għandu jieħu fl-interess tal-ġustizzja.
Dan apparti illi turi diżrispett lampanti lejn il-ġudikant sedenti meta l-integrita’ tiegħu qed tiġi diskussa b’dan il-mod miżerabbli u li tistiednu biex jirrevoka digriet li huwa jemmen u li l-partijiet suppost jemmnu li l-ġustizzja mhux biss trid issir, imma għandha tidher li qed issir. Ir-risposta sarer pemezz tal-Avukat Edward Debono u l-Prokoratur Legali Katrina Zammit.