Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qed jinsisti biex issir inkjesta internazzjonali dwar il-każ tal-ajruplan – mimli bil-priġunieri tal-gwerra Ukreni – li, nhar l-Erbgħa, iġġarraf f’ċirkustanzi misterjużi fil-limiti ta’ Belgorod, lejn il-Punent tar-Russja.
Fl-istess ħin, Zelensky akkuża lir-Russja b’li ‘qed tilgħab bil-ħajjiet tal-priġunieri Ukreni’. Dan meta pajjiżu u r-Russi ilhom jorganizzaw l-iskambji tal-priġunieri tal-gwerra mill-bidu tal-konflitt tal-Ukrajna, fi Frar tal-2022.
Ir-Russja, sadanittant, għadha qed takkuża lill-Ukrajna dwar it-twaqqigħ tal-ajruplan inkwistjoni, tat-tip Il-76. L-ajruplan kien qed iwassal talanqas 65 priġuniera Ukreni lejn destinazzjoni speċifika – u magħhom mietu anki s-sitt membri Russi tal-ekwipaġġ flimkien ma’ tlett gwardjani tal-iskorta.
Fl-istess ħin, Moska qed tgħid li l-priġunieri fuq l-ajruplan kellhom ikunu mibdula ma’ numru simili ta’ priġuniera Russi – bid-dettalji jibqgħu xi ftit konfużi.
Min-naħa tagħhom, is-servizzi sigrieti militari (GUR) tal-Ukrajna qalu li ma kenux infurmati dwar il-ħtieġa li jaċċertaw is-sigurtà fl-ispazju tal-ajru partikulari – b’dan qed jitqies bħala forma ta’ ‘ammissjoni’ li l-militar Ukren seta’, fil-fatt, waqqa’ l-ajruplan.
Sadanittant, is-servizzi sigrieti militari tal-Ukrajna enfasizzaw li ma kellhom l-ebda informazzjoni kredibbli dwar il-persuni abbord l-ajruplan u li l-inċident seta’ anki involva ‘xi azzjonijiet qarrieqa u ippjanati’ min-naħa tar-Russja.
Il-President Zelensky, min-naħa tiegħu, insista li l-fatti kollha dwar il-każ iridu joħorġu fil-beraħ . Dan waqt li l-kelliem ewlieni għall-Kremlin, Dmitry Peskov, kien qed jikkundanna t-twaqqigħ tal-ajruplan bħala ‘atroċità’.
Peskov kompla li l-inkjesta internazzjonali li qed jitlob Zelensky għandha, fost oħrajn, tiżvela allegati azzjonijiet kriminali mit-Tmexxija fi Kiev.
Is-sitwazzjoni kumplikat ruħha aktar bl-għarfien li l-Istaff Ġenerali tal-militar Ukren kien tenna, inizjalment, li l-ajruplan li twaqqa’ kien qed jittrasporta l-missili lill-qawwiet tar-Russja – u waqt li ma ssemma xejn dwar priġuniera tal-gwerra.
Madankollu, l-ebda mid-dettalji li jikkonċernaw lill-priġunieri u n-nies l-oħra abbord l-ajruplan ma setgħu jkunu konfermati mis-sorsi indipendenti.
Fl-istess ħin, is-servizzi sigrieti militari tal-Ukrajna qed jinsistu li r-Russja għanda r-responsabbiltà ċara biex taċċerta s-sigurtà tal-priġuniera kollha taħt il-ftehim li ntlaħqu matul ix-xhur preċedenti.
//= $special ?>