Ewropa Internazzjonali

Sfidi kbar għall-OSCE, hekk kif il-prijorità tibqa’ l-Ukrajna

Rapport tal-kollega MARIA BORG minn Vjenna

Il-Ministru Ian Borg ma kkommettiex ruħu li jekk ikun hemm bżonn ir-Russja tiġi imneħħija mill-OSCE. Dan filwaqt illi qal li diffiċli tinstab soluzjoni dwar it-triq ‘il quddiem għall-OSCE jekk ir-Russja tibqa’ toġġezzjona għall-proposti ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali – illi tiffoka fuq is-sigurtà u l-koperazzjoni fir-reġjun Ewropew.

L-akbar impenn għall-OSCE jibqa’ dak li tieqaf il-gwerra illegali li r-Russja għamlet fuq l-Ukrajna meta invadiet dan il-pajjiż. U l-waqfien ta’ din l-invazzjoni kif ukoll il-ħarsien taċ-ċivili jibqgħu fuq nett tal-agenda tal-OSCE.

Dan kollu intqal illum fi Vjenna hekk kif ingħata bidu għall-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), bit-tmexxija tgħaddi f’idejn Malta.

L-OSCE ser tkun qed tagħmel minn kollox sabiex tieqaf il-vjolenza u t-tbatija għal numru ta’ persuni li qed isofru mhux biss fl-Ukrajna imma f’pajjiżi oħra madwar id-dinja. Din l-organizzazzjoni ser tkun qed taħdem sabiex it-tliet membri tal-istaff tal-OSCE Special Monitoring Mission li huma illegalment miżmuma mir-Russi, jinħelsu minnufih.

Intant, l-OSCE qed taffaċja numru ta’ problemi kemm fir-rigward tat-tmexxija kif ukoll problemi finanzjarji. Ta’ minn isemi li l-budget tal-OSCE fis-sena 2021 kien dak ta’ 193 miljun u dan il-budget ma inbidilx f’dawn l-aħħar sentejn minkejja li l-isfidi żdidu sew.

Infatti dan il-budget ilu ma jinbidel sentejn – propju kemm ilu li r-Russja invadit l-Ukrajna.

Apparti minn hekk, s’issa għad ma hemmx qbil dwar minn jista’ jkun iċ-chair tal-OSCE għas-sena 2026 wara li jintemm il-perijodu ta’ Malta.

L-agenda tal-OSCE tinkludi il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u li jkun hemm titjib fis-sigurta tal-ikel.

Waqt dan il-ftuħ uffiċjali ma ntqal xejn dwar il-kunflitt fil-Lvant Nofsani kif ukoll dwar l-attakki li r-ribelli Houthi qed iwettqu fil-Baħar l-Aħmar. Dan filwaqt li żjara f’Moska għadha mhix fil-programm.