Kurżitajiet Lokali Xjenza u Teknoloġija

Ikompli jiżdied l-użu tal-internet u tonqos il-posta tradizzjonali

Ċifri ppubblikati mill-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni juru kif fl-aħħar xhur komplew jiżdiedu l-abbonamenti għall-pakketti ta’ servizzi li jinkludu l-internet, it-telefonija ċellulari u t-televiżjoni. Bl-abbonamenti għas-servizzi tal-broadband jiżdiedu b’rata ta’ bejn 12% u 16% fuq bażi ta’ sena.

Sinifikanti l-fatt li l-użu ta’ data minn fuq mobiles sploda ‘l fuq b’xejn anqas minn 51% fl-ewwel tliet xhur tas-sena li għddiet. L-MCA qed tatribwixxi din iż-żieda enormi għar-realtà tal-ħajja tal-lum, fejn aktar nies jużaw il-mobile tagħhom biex jaċċessaw l-internet.

B’kuntrast, anqas persuni qed jużaw is-servizzi postali – apparti dak li għandu x’jaqsam ma’ parcels fejn hemmhekk fl-2023 kellek żieda ta’ 9.7%.

L-istess ċifri juru li illum il-ġurnata f’pajjiżna għandna ‘l fuq minn 748,000 abbonament għas-servizz ta’ telefowns ċellulari. Kull abbonat, iħallas medja ta’ €39 għal dan is-servizz.

Interessanti l-fatt li hemm 189,000 abbonament għas-servizz pay-TV. Minn dawn, 83% huma parti minn pakkett ta’ servizzi.