L-aġir tal-Gvern qed jarmi l-futur ta’ uliedna
L-Edukazzjoni hi dritt li kulħadd għandu jkollu, kull tifel u tifla, u kull ma jmur qed ikompli jidher il-falliment tal-Gvern f’dan is-settur.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri u mix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal Graziella Attard Previ, fejn kien sostnut li l-Partit Nazzjonalista hu determinat li jibqa’ jagħmel pressjoni u jkun alternattiva biex is-sitwazzjoni f’dan is-settur tittejjeb.
Minn Mistoqsija Parlamentari lil Clifton Grima ħarġet iċ-ċifra li hemm 180 student li għadhom qed jistennew biex jingħataw LSE u li l-aktar applikazzjoni pendenti li hi antika tmur lura għal Ottubru 2022. Dan ifisser stennija ta’ 15-il xahar biex student ikollu l-għajnuna li għandu bżonn matul il-lezzjonijiet fl-iskejjel, kemm Primarji kif ukoll Sekondarji.
Ix-Shadow Ministers qalu li dan kollu juri li issa anke fis-settur tal-Edukazzjoni hemm waiting lists biex l-istudenti jingħataw dak li hu tagħhom bi dritt. U quddiem is-sitwazzjoni, jidher li l-Gvern ftit li xejn qed jieħu azzjoni, bin-numru ta’ persuni jistennew LSE qiegħed dejjem jikber.
Fl-iskejjet tal-Istat, tal-Privat u tal-Knisja hemm aktar minn 5,000, 400 u 1,800 rispettaviment li jeħtieġu xi forma addizzjonali ta’ għajnuna.
Hu fatt magħruf li dan il-qasam qed ibati biex isib ħaddiema li jridu jkomplu jew saħansitra jibdew professjoni fis-settur tal-Edukazzjoni. Dan minħabba li l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhumiex kif wieħed jistenna, bil-pagi ma jirriflettux il-ħidma tal-edukaturi.
L-appell tal-Partit Nazzjonalista kien sostnut biex is-settur tal-Edukazzjoni, l-għalliema, l-edukaturi u l-ħaddiema jingħataw aktar importanza u prijorità.
//= $special ?>