Ewropa Lokali

Il-President ta’ Malta George Vella f’Berlin

Accept Analitiċi cookies to view the content.

“Fi żmien fejn il-valuri u l-ideali tagħna huma mhedda mill-gwerra u t-taqlib, il-popoliżmu, u l-qawmien mill-ġdid ta’ ideali politiċi estremisti jew valuri kompetituri, irridu nkomplu nemmnu f’Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha … u nistinkaw għaliha,”

Dan sostnieh il-President ta’ Malta, George Vella, waqt diskors f’Università f’Berlin…hekk kif f’dawn il-jiem kien qed jagħmel żjara uffiċjali fil-Ġermanja.

Fid-diskors tiegħu bit-tema “Reflections on the present world order”, il-President Vella qal li l-għaqda tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tinżamm fl-oqsma kollha possibbli.

Il-President stqarr li d-diplomazija u n-negozjati huma l-pilastri fundamentali ta’ ħafna sistemi multilaterali li jaħdmu sew. U saħaq li l-isfidi għas-sigurtà ma jistgħux jissolvew bl-użu tal-forza.

Waqt id-diskors tiegħu lill-akkademiċi u l-istudenti, il-President Vella tenna bla riżervi l-kundanna tiegħu għall-qtil ta’ nies innoċenti, jagħmlu min jagħmlu, filwaqt li għamel it-talba sinċiera tiegħu biex min bħalissa għandu s-saħħa f’idejh, iwaqqaf il-massakru li għaddej ta’ nies innoċenti, b’mod partikolari tfal.

B’referenza għall-kunflitt devastanti fil-Lvant Nofsani, il-President Vella esprima t-tħassib tiegħu għall-mod li bih din il-gwerra diġà nfirxet fi mkejjen oħra fil-Lvant Nofsani.

F’Berlin, il-President iltaqa’ wkoll ma’ Michael Roth, Chairman tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ġermaniż.

Id-diskussjoni enfasizzat fuq l-aħħar żviluppi rigward il-gwerra fl-Ukrajna u l-gwerra bejn Iżrael u l-Hamas. Iż-żewġ partijiet iddiskutew ukoll l-importanza tal-għaqda fl-UE u r-rwol u l-pożizzjoni tagħha fuq kwistjonijiet internazzjonali.