Lokali

Ilmenti minn aktar Sindki Laburisti dwar ix-xogħolijiet fit-toroq

Il-problemi fl-inftrastruttura, kulma jmur, qed ikomplu jiżdiedu. Tant li pajjiżna qed jaffaċċja bosta sitwazzzjonijiet fejn proġetti li jkunu tlestew jispiċċaw jerġgħu jinqalgħu tort l-inkompetenza ta’ xi wħud. Dan apparti li hemm proġetti li qed jieħdu żmien twil ħafna biex jitlestew.

Każ partikolari huwa dak li seħħ f’Ħaż-Żabbar, fejn din il-ġimgħa beda jinqala’ x-xogħol f’tarf Vjal Kottoner u Vjal il-Labour… hekk kif issa se jsiru t-tibdiliet li suppost kellhom isiru ħafna qabel. Tant li s-Sindku Laburista tal-lokal ħadha kontra l-awtoritajiet konċernati li suppost kellhom jaġixxu qabel fl-aħjar interess tar-residenti.

Is-Sindku Jorge Grech stess kiteb li se jibqa’ jagħmel pressjoni sabiex il-proċessi ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill ma jinqabżux – filwaqt li stqarr li l-entitajiet ma jistgħux jibqgħu jagħmlu li jridu. U ma’ din il-frustrazzjoni, qabel ukoll l-eks Sindku Laburista.

Appati dan ix-xogħol f’Ħaż-Żabbar….proġett li żgur għadu fuq fomm kulħadd huwa dak tal-Pjazza tal-Mosta, fejn apparti l-kontreversja li nqalgħet minħabba t-tqaċċit tas-siġar fil-pjazza… dan il-proġett dam xhur sħaħ biex tlesta. Fejn anke f’dan il-proġett kellhom jerġgħu jinqalgħu x-xogħolijiet li saru b’rabta mal-katusi.

Persuni li tkellmu ma’ Net News spjegawlna kif fi Triq il-Kostituzzjoni, meta ngħata l-konkos inqasam pipe u konsegwenza t’hekk f’xi djar spiċċa daħal id-dranaġġ…. sitwazzjoni li ilha għaddejja minn Diċembru li għadda. Tant li issa kienu kostretti jerġgħu jaqilgħu t-tarmak biex isewwu l-ħsarat li hemm.

Il-proġett fil-pjazza tal-Mosta li kellu jkun lest ix-xahar li għadda, issa qed jingħad li se jiġi konkluż sal-ġimgħa d-dieħla – għalkemm fuq tal-ħwienet, l-effetti ta’ dawn ix-xogħlijiet kienu bosta.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-SMEs qalet illi fi ftit jiem se tiftaħ mill-ġdid Triq il-Kostituzzjoni. Intqal illi dawn ix-xogħlijiet ħallew effett kbir negattiv fuq in-negozji u l-ħwienet iż-żgħar. U d-dewmien kien piż finanzjarju enormi.

Il-proġett tal-Mosta poġġa’ lil diversi sidien ta’ ħwienet f’xifer li jagħlqu, u kif fissret l-istess stqarrija “it-telf kien wieħed sostanzjali”.