Elezzjonijiet 2024 Lokali

KONFERMATA: Robert Abela juri b’mod ċar li mhux kapaċi jgħid “le” lil Muscat

Tasal il-konferma, jekk qatt kien hemm bżonn, li l-Prim Ministru lest ibaxxi rasu għall-klikka ta’ Joseph Muscat. Dan wara li fl-aħħar jiem bdiet il-kampanja qawwija sabiex l-eks Prim Ministru jirritorna b’saħħa fl-arena politika ħalli juri lil kulħadd li l-Labour għadu f’idejh – mossa li qed tinfurja lill-klikka l-oħra ta’ Abela.

Il-konferma minn naħa ta’ Robert Abela waslet permezz ta’ kummenti li ta f’intervista illi saritlu mill-Professur Andrew Azzopardi.

Robert Abela innifsu kien mistoqsi dwar dan il-pass ta’ Joseph Muscat li joħroġ għall-MEPs; bil-Prim Ministru jindika b’mod ċar li lest ibaxxi rasu għal Muscat.

Fil-fatt, Abela qal: “Jekk Joseph Muscat jgħid iva, għaliex għandi ngħidlu le?”

Fl-aħħar jiem,i l-messaġġier ewlieni tal-Labour Party Emmanuel Cuschieri ħeġġeġ lin-nies jesprimu l-ħsieb tagħhom dwar l-eventwalità li Joseph Muscat jikkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej.

Fl-istess waqt mhux biss qed jiftaħ il-bieb beraħ għar-ritorn ta’ Joseph Muscat fil-politika, iżda offraukoll vetrina lill-eks Deputat Mexxej Laburista u eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona – l-istess Cardona li ftit tal-ġimgħat biss qabel Muscat warrab mix-xena, irriżenja minn Ministru waqt il-kriżi politika tal-2019, ftit wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech.