Lokali Qorti

Multa titnaqqas bi kważi €10,000 wara li ħaraq nar f’irdum waqt tieġ

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef naqqset sentenza bi kważi €10,000 fil-konfront tal-pirotekniku Edmund Saliba, li kien ġie mmultat €11,250 mill-ewwel Qorti wara li nstab ħati li b’negliġenza kkaġuna nar fl-irdum tax-Xagħra, b’konsegwenza li nqerdu siġar protetti. Il-multa issa niżlet għal €1,500.

Il-każ kien seħħ fid-19 ta’ Ġunju 2021 għall-ħabta tal-11.15pm, fil-limiti tax-Xagħra, Għawdex. Il-Qorti semgħet kif Saliba għandu Liċenzja A u li għalhekk jista’ jimmanifattura l-logħob tan-nar. Huwa għandu wkoll il-kamra tan-nar tal-Madonna ta’ Lourdes ta’ San Ġwann liċenzjata fuqu, u qabel kellu waħda mill-kmamar tan-nar tal-Mosta.

Fl-2021 ġie avviċinat minn raġel li talbu jaħraq il-logħob tan-nar għat-tieġ ta’ bintu fix-Xagħra. Kien hawn li seħħ l-inċident fejn kienu inqerdu xi siġar. Il-Qorti kienet sabitu ħati li wettaq attività li kienet ta’ ħsara għal siġar protetti, li naqas milli jissottometti applikazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tliet ġimgħat qabel l-attività, kif ukoll li qabbad logħob tan-nar f’distanza ta’ 20 metru minn siġar elenkati fl-ewwel skeda ta’ protezzjoni.

Saliba appella mis-sentenza, fejn argumenta li kien kiseb permess mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija biex iwettaq l-attività u li mhux minnu li d-distanza kienet ta’ 20 metru min fejn inħaraq in-nar. Hawn il-Qorti tal-Appell, laqgħet parti mill-argumenti tal-akkużat.

Din iddeċidiet li l-prosekuzzjoni ma kienx irnexxielha tipprova lil hinn minn kull dubju li n-nar inħaraq f’distanza ta’ 20 metru minn siġar protetti. Dan għaliex ir-rappreżentanti tal-ERA marru fuq il-post l-għada tard filgħodu u minħabba l-elementi tat-temp, ċertu affarijiet setgħu facilment iċċaqalqu.

Qalet ukoll li r-rappreżentanti tal-ERA marru fuq il-post u qagħdu biss fuq il-fdalijiet li sabu u l-ħruq li setgħu nnutaw, u għalkemm ġew esebiti diversi ritratti, ma tteħidx xi kejl jew tqabbad perit biex tiġi kkalkulata d-distanza preċiża minn fejn allegatament tqabbad in-nar sas-siġar protetti.

Huwa għalhekk inħeles minn din l-akkuża, u l-multa oriġinali ġiet imnaqqsa għal €1,500. Huwa nstab ħati biss li wettaq jew ippermetti li titwettaq xi attività li fl-opinjoni tal-Awtorità ma kinitx koperta b’permess mill-Awtorità. Kif ukoll li naqas milli jissottometti applikazzjoni lill-Awtorità bil-miktub minn tal-inqas tliet ġimgħat qabel it-twettiq tal-attività bi ksur ta’ regolament dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar