Lokali

Operazzjoni konġunta bejn il-Pulizija Maltija u l-Europol waslet biex ikunu arrestati 14-il persuna

14-il persuna ġew arrestati mill-Pulizija Maltija, f’operazzjoni li saret bħala parti mill-‘Joint Action Day’, ikkordinata mill-Europol, kontra l-kriminalità organizzata Niġerjana madwar l-Ewropa.

Il-Pulizija Maltija ħadmet ma’ diversi entitajiet lokali, fosthom id-Dipartiment tad-Dwana, is-Servizzi ta’ Detenzjoni u d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, fejn saru diversi spezzjonijiet u infurzar fil-Marsa, fil-Ħamrun u f’San Ġiljan.

L-14-il persuna kienu arrestati b’rabta ma’ immigrazzjoni illegali, filwaqt li se jitressqu l-Qorti tliet sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel Afrikani fuq ksur tar-regolamenti tas-saħħa pubblika. Ġew issekwestrati diversi dokumenti, ikel projbit, kif ukoll affarijiet relatati mad-droga.

F’din l-azzjoni ħadu sehem diversi skwadri tal-Pulizija fosthom tal-Immigrazzjoni, ta’ Kontra d-Droga, ta’ Kontra l-Vizzji, tar-Rapid Intervention Unit, tal-Klieb, kif ukoll tad-Distrett u dawk għall-Komunità.

Il-pajjiżi li fihom saret l-operazzjoni mqasma fuq tliet ijiem, bejn is-7 u d-9 ta’ Diċembru li għadda, kienu – Stati Membri tal-Unjoni Ewropea: il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Greċja, Malta, Spanja u l-Iżvezja;

Stati oħra: l-Istati Uniti, l-Iżlanda, il-Kolombja, in-Niġerja u r-Repubblika ta’ Benin; Aġenziji: Europol, Interpol, Frontex, UNODC, CrimJust, UK Home Office International Operation fin-Niġerja u @ON Network.