Lokali

“Persuna b’diżabbiltà għandu jkollha d-dritt tal-għażla biex tiddeċiedi hi kif tgħix ħajjitha”

F’konferenza mtella mic-CRPD f’Għawdex. is-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Graziella Galea spjegat l-importanza li persuna b’diżabilità jkollha d-dritt tal-għażla biex tiddeċiedi hi kif tgħix ħajjitha. Din il-konferenza ssegwi oħra li ġiet imtella’ wkoll mic-CRPD f’Diċembru li għadda ġewwa Malta, fejn Galea wkoll ipparteċipat.

Waqt din il-konferenza ġie spjegat studju li għamlet ic-CRPD dwar id- deistituzzjonalizzazzjoni ta’ persuni b’diżabilita’ sabiex b’hekk għandna stampa iktar ċara dwar is-sitwazzjoni f’Pajjiżna u kif ukoll x’għandhom ikunu l-passi li jmiss.

Graziella Galea spejgat kif waħda mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista, fir-rigward ta’ persuni b’diżabilita’, tgħid : “Ninvestu f’qafas innovattiv biex il-persuni b’diżabilita’ li jeħtieġu ċerta għajnuna jkollhom assistenza personalizzata skond il-ħtiġijiet tagħhom, biex niżguraw li jkollhom l-opportunita’ sħiħa li jgħixu ħajjithom mingħajr intoppi u jkunu tassew jistgħu jieħdu r-riedni ta’ ħajjithom f’idejhom”. Il-Partit Nazzjonalista bagħat ukoll il-kummenti tiegħu bħala parti mill-konsultazzjoni li nieda l-Gvern dwar l-assistent personali. Il-qafas leġislattiv ta’ din ir-riforma għandu jiġu konkluż fl-iqsar żmien filwaqt li jkun ikkumplimentat b’fondi adekwati sabiex is-servizz tal-assistent personali verament ikun jista’ jibbenefika minnu kull min għandu l-ħtieġa.

Graziella Galea tenniet l-importanza li persuni b’diżabilita’ għandhom ikunu nvoluti direttament fl-għażliet kollha, b’mod partikulari f’deċiżjonijiet li jkunu direttament jikkonċernaw lilhom. Hi rringrazzjat lic-CRPD tal-ħidma li twettaq u lil dawk kollha li jaħdmu biex is-settur tad-diżabilita’ jimxi ‘l quddiem b’mod partikolari l-għaqdiet volontarji, il-ħaddiema, il-familjari u l-persuni b’diżabilita’.