Internazzjonali

Renju Unit: Aktar irġiel japplikaw għall-eżami tal-prostata — fuq is-suġġeriment tar-Re Karlu

Ir-Re Karlu tal-Ingilterra fil-preżent jinsab l-isptar fejn qed ikun trattat  għal kundizzjoni tal-prostata.

Il-kelliema f’Buckingham Palace ikkonfermaw li l-proċedura kienet qed issir fil-London Clinic, li hu sptar privat, u fejn il-Prinċipessa ta’ Wales, Catherine, għaddiet ukoll minn kirurġija f’żaqqha ftit tal-jiem ilu.

Mifhum li r-Re, qabel daħal għall-intervent, żar lil Catherine li għadha rikoverata fl-isptar – iżda ħadd ma jaf it-tul taż-żmien tat-trattament li se jkun suġġett għalih.

Madankollu, ir-Re sfrutta s-sitwazzjoni tiegħu biex iwassal messaġġ lill-irġiel biex jagħmlu t-testijiet tal-prostata bħala neċessità – u bil-messaġġ ma jaqax fuq il-widnejn torox, bis-servizzi tas-saħħa nazzjonali jirrappurtaw żieda enormi fl-applikazzjonijiet tal-irġiel għal dawn it-testijiet.