Knisja Lokali

VOXPOP: Min ma jara xejn ħażin u min assulutament ma jaqbilx li l-qassisin għandhom jiżżewġu

Il-mistoqsija li poġġa Monsinjur Arċisqof qajjmet diskussjoni sħiħa – b’ħafna jiddibattu jekk wasalx iż-żmien li l-qassisin ikollhom l-għażla li jiżżewġu.

L-Arċiqsof ta’ Malta Charles Scicluna tkellem dwar dan mat-Times, fil-bidu ta’ Jannar, fejn stqarr li dwar din il-proposta diġa’ tkellem fil-Vatikan; pero jaf li fl-aħħar mill-aħħar din mhux deċiżjoni li jista’ jieħu waħdu.

U dwar din id-dikjarazzjoni, ir-reazzjoni tan-nies jidher li hi waħda imħallta ferm – min ma jara xejn ħażin, u min assulutament ma jaqbilx.

L-ordni li qassis fi Knisja Kattolika m’għandux jiżżewweġ hija liġi li ilha snin tiġi diskussa Pero l-awtoritajiet tal-Knisja dejjem iddefendew din ir-regola hekk kif bosta jaqblu li qassis għandu jkun dedikat biss lejn il-Knisja – u għalhekk m’ għandux ikollu relazzjoni ma’ persuna oħra.

Il-verità hi, li din ir-regola ma kinitx hekk minn dejjem tant li fl-ewwel millenju, is-saċerdoti kellhom l-għażla li jiżżewġu. U hemm min fil-Knisja jemmen – bħal Mons Scicluna – li din l-għażla għandha mill-ġdid terġa’ tingħatalhom.

Il-Vatikan kien viċin li jbidel din ill-liġi fl-2019, meta is-Sinodu tal-Isqfijiet kien ivotta b’maġoranza assoluta li irġiel miżżewġa fl-Amazon ikollhom permess li jsiru qassisin biex b’hekk jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-Knisja Brażiljana. Madanakollu d-deċiżjoni finali ma tiddependix fuq is-Sinodu imma mill-Papa, li fil-preżent għadu pjuttost xettiku dwar din il-bidla.