Abela kostrett jilqa’ miegħu lil Joseph Muscat 4 snin wara li kellu jirriżenja f’nofs kriżi politika
Minkejja l-iskandli numerużi, minkejja l-konsulenzi, minkejja r-riżenji, xhieda fil-Qorti, Inkjesta Maġisterjali, u l-għajta li se jnaddaf lill-Partit Laburista ….Robert Abela spiċċa ċeda għall-predeċessur tiegħu.
Bosta esperti politiċi ddeskrivew il-preżenza ta’ Joseph Muscat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ġimgħa filgħaxija bħala turija li Abela ċeda għall-pressjoni ta’ Muscat – mexxej ta’ Partit u ta’ pajjiż fqir li 4 snin wara l-għajta li mhux se jkun qed jipparteċipa f’patt imxajtan – kellu jċedi biex isalva ġildu.
F’temp ta’ ftit aktar minn ġimgħa, Robert Abela wera kemm hu dgħajjef taħt il-pressjoni tad-Deputat Indipendenti Rosianne Cutajar, li lest jilqagħha lura miegħu. Ħafna saħqu dan l-aġir tal-Prim Ministru bħala wieħed iddisprat u surreali hekk kif din hija l-istess Cutajar li lura f’April irriżenjat mil-Labour wara li f’chats ma’ Yorgen Fenech saħqet li kienet se titħanżer bħal kulħadd – fatt li skont l-NAO għamlitu bħala konsulenta mal-ITS.
Robert Abela ried jintgħoġob ukoll mal-Għawdxin hekk kif fetaħ lura l-bieb għal Justyne Caruana, u issa mingħajr ma għandu l-ebda kontroll fuq il-biċċa – Joseph Muscat, bl-għajnuna ta’ niesu….daħal lura fil-Partit Laburista.
L-istess Muscat li lura fl-2019 kellu jirriżenja f’umiljazzjoni assoluta minn Prim Ministu u Mexxej tal-Labour…għax skont hu hekk kien hemm bżonn.
L-istess Muscat li żamm miegħu lill-Keith Schembri u lil Konrad Mizzi minkejja kollox – l-istess Muscat li taħt it-tmexxija tiegħu l-Gvern daħal f’deal frawdolenti ma’ Vitals u Steward. L-istess Muscat li taħt it-tmexxija tiegħu ġurnalista ġiet assassinata għax kienet qed twettaq xogħol investigattiv. L-istess Muscat li biex jinżel mis-siġġu tal-poter il-poplu kellu joħroġ fit-toroq isemma’ leħnu.
Joseph Muscat – li issa qed jiġi imbottat mill-kelliem ewlieni tal-Labour Emmanuel Cuschieri biex joħroġ għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. B’Abela maqbud f’morsa assoluta fejn fi kliemu stess ma jistax jgħidlu le – daqskemm ma setgħax jgħid le lil Rosianne Cutajar.
B’reazzjoni għal dan kollu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li Abela jinsab dahru mal-ħajt…rikattat u kompromess minn Joseph Muscat – fejn saħansitra tilef il-kontroll u spiċċa jattakka lill-Qorti.
Bernard Grech insista li mxejna mill-appell tal-Gvern biex inħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu, għal attakk sfrenat fuq l-istess istituzzjonijiet – kif ħareġ mill-intervista li ta lit-times.
Il-Kap tal-PN temm jgħid li l-kriżi fil-Partit Laburista se ssir il-kriżi tal-pajjiż – u staqsa minn xiex qed jibża Robert Abela.
Intant…diversi irrimarkaw fuq il-fatt li minkejja l-eloġji kollha u l-epifanija li kellu Abela fil-konfront ta’ Muscat… s’issa Joseph Muscat għadu eżiljat kompletament mill-media Laburista hekk kif is-Super One ma ddedikalux lanqas sentenza fl-aħbarijiet tiegħu – konferma li l-istazzjon għadu kontrollat mill-klikka ta’ Robert Abela.
//= $special ?>