Futbol Sport

Jingħata bidu għat-tieni round tal-Kampjonat BOV Premier

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

Illum fl-Istadium Nazzjonali tibda l-akar fażi eċitanti, bil-bidu tat-tieni round u għalhekk l-aħħar 13-il logħba għal kull tim fil-Kampjonat BOV Premier. Fl-azzjoni llum insibu lill-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika, bi Floriana li jinsabu fit-tieni post b’29 punt jilagħbu l-ewwel kontra Santa Lucia filwaqt li warajhom jilagħbu l-leaders u champions renjanti Ħamrun Spartans kontra Balzan.

Floriana vs Santa Lucia | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali

Floriana, li spiċċaw l-ewwel round fuq nota negattiva b’telfa ta’ 1-0 kontra Gżira United, jiftħu l-impenji tat-tieni round kontra Santa Lucia,  tim li ġej minn żewġ rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat. Il-Greens kienu fl-aħbarijiet fl-aħħar jiem bit-tpartit xi ftit sorpriża li ra lil Jan Busuttil jingħaqad ma’ Balzan filwaqt li Jake Grech sar plejer ta’ Floriana kif ukoll bl-inġagg tal-goalkeeper Serb ta’ 24 sena Nemanja Andrijanić. It-telfa ta’ Floriana kontra Gżira rat lil Sliema jersqu viċin aktar tal-Greens fejn issa hemm biss punt jifridhom fil-klassifika u għalhekk xejn inqas minn tliet punti ma jissodisfawhom sabiex minn tal-inqas iżommu t-tieni post. Minn naħa l-oħra s-Saints, minkejja rebħiet fl-aħħar ħarġiet, għandhom ikunu konxji mill-qawwa tal-iskwadra mmexxija minn Mauro Camoranesi u jridu jkunu tattikament dixxiplinati biex jagħlqu kemm jista jkun spazji lill-plejers offensivi ta’ Floriana partikolarment Kemar Reid u Matheus Souza.

Fl-ewwel round Floriana kisbu rebħa faċli ta’ 4-0 kontra Santa Lucia.

Balzan vs Ħamrun Spartans | Illum, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali

Stennija għad-debutt ta’ Jan Busuttil ma’ Balzan f’partrita diffiċli kontra ċ-champions u leaders Ħamrun Spartans. It-tim immexxi minn Oliver Spiteri fl-aħħar logħba ħa punt kontra Marsaxlokk biex baqa’ fis-seba’ post tal-klassifika bi 18-il punt daqs Hibernians. L-ewwel round kien wieħed inkonsistenti għall-aħħar għal Balzan li meta wieħed iqis l-investiment li sar fit-tim jista’ jgħid li dan it-tim iddiżappunta u li żgur li l-pjanijiet tal-amministrazzjoni ma kienux li f’nofs staġun ikunu fejn jinsabu bħalissa. Minbarra Jan Busuttil, fl-aħħar jiem Balzan kisbu attakkant mill-Awstralja, George Blackwood li għandu 26 sena u li lagħab fl-ogħla livell f’pajjiżu. Ħamrun fl-aħħar jiem ukoll kienu fl-aħbarijiet iżda għal raġunijiet differenti hekk kif issa jridu jresqu d-difiża tagħhom fi protest li resqu Hibernians, li qed jallegaw li l-akkwist il-ġdid Christian Rutjens ma kienx eleġibli jilgħab kontrihom hekk kif kellu jiskonta sospensjoni wara li kien tkeċċa fl-aħħar partita li lagħab hawn Malta, ironikament kontra Hibernians f’Diċembru tal-2023. Lil hinn minn dan Ħamrun għandhom jagħmlu minn kollox biex dan l-episodju ma jaffetwax lil plejers mentalment u bħalma għamlu fl-ewwel round jegħlbu dan l-ostaklu ta’ Balzan biex jibdew it-tieni round kif spiċċaw l-ewwel wieħed u jkomplu fil-mixja għar-rebħ tal-10 kampjonat fl-istorja. Fl-ewwel round Ħamrun għelbu lil Balzan 1-0 b’gowl ta’ Jonny Robert.

Sirens vs Valletta | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium

Fl-ewwel logħba tal-Ħadd, u l-unika waħda fis-Centenary Stadium, wieħed mit-timijiet tal-qiegħ nett Sirens jaffaċjaw lil Valletta, li wara nuqqas ta’ seba’ logħbiet bla rebħa fil-kampjonat, għalqu l-ewwel round b’rebħa konvinċenti ta’ 3-0 fuq Gudja United. Minkejja li lagħbu kontra l-uniku tim bla rebħa fil-kampjonat, wieħed xorta jista’ jara titjieb fit-tim Belti partikolarment bejn il-lasti bir-ritorn tal-goalkeeper Taljan Alessandro Guarnone. Valletta ffirmaw ukoll lil Gonçalo Vieira, midfielder Portugiż ta’ 25 sena li kien qed jilgħab l-aħħar fl-għola diviżjoni fil-Litwanja ma’ Banga. Minn naħa l-oħra Sirens ġejjin minn żewġ telfiet fil-kamponat u s’issa rebħu biss waħda b’dan it-tim sa issa u għalkemm fadal round sħiħ, jidher li se tkun diffiċli ħafna biex iżomm postu mal-kbar tal-futbol Malti. F’Settembru li għadda, Valletta għelbu lil Sirens 2-0.

Hibernians vs Gżira United | Għada, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium

Hibernians, li kif għedna fl-aħħar logħba tilfu kontra Ħamrun Spartans, riżultat li jidher li se jibqa’ mdendel bis-smiegħ tal-protest il-ġimgħa d-dieħla, bħal Balzan s’issa kien wieħed mit-timijiet inkonsistenti u ta’ diżappunt u kontra l-eks plejer tagħhom Andrew Cohen, li issa ħa f’idu t-tmexxija ta’ Gżira United, jittamaw li jibdew l-aħħar fażi tal-kampjonat b’rebħa li jekk ir-riżultati l-oħra jkunu favur tagħhom tista’ tarhom javvanzaw ‘il fuq fil-klassifika. Mill-banda l-oħra Gżira, li fid-debutt ta’ Cohen kisbu rebħa ta’ 1-0 kontra Floriana, iridu jkunu aktar fil-forma milli kienu fl-ewwel round u għalhekk jakkwistaw aktar punti biex jinqalgħu mill-aħħar postijiet tal-klassifika u jkunu f’pożizzjoni aktar diċenti, fejn drajnihom fl-aħħar snin. Daqqa ta’ ħarta għal Cohen żgur li se jkun mingħajr l-awtur tal-gowl rebbieħ kontra Floriana Thaylor Aldama li jinsab sospiż. Hibernians minn naħa tagħhom għandhom sospiż lil Alex Bruno. Fl-ewwel round Hibernians rebħu faċilment 4-0.

Naxxar Lions vs Marsaxlokk | Għada, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali

Konfront bejn żewġ timijiet li jinsabu eżatt taħt xulxin fil-klassifika, b’Marsaxlokk li għandhom 21 punt fir-raba’ post filwaqt li Naxxar eżatt taħthom b’20 daqs Birkirkara. L-objettivi ta’ Naxxar, u normalment ta’ kull tim promoss, ikunu li l-istaġun ta’ wara jerġgħu jilagħbu fil-Premier u s’issa jidher li jekk il-prestazzjonijiet jibqgħu bħal ma’ kienu minn Ottubru s’issa dan it-tragward se jkun intlaħaq. Madankollu bejn Naxxar u l-ħdax-il post, li fih hemm Santa Lucia u Mosta, hemm biss 8 punti u għalhekk Naxxar jonqoshom ftit biex iserrħu rashom. Bla dubju li l-Lions qed jistennew ir-ritorn tal-attakkant Brażiljan Wiliam Marcilio li jirritorna l-ġimgħa d-dieħla kontra Ħamrun wara sospensjoni li minn 6 logħbiet tnaqqset għal 3. Għal dan il-konfront George Vella se jkollu nieqes lil Brażiljan ieħor, Pablo Carvalho li tkeċċa kontra Mosta. Marsaxlokk, li ukoll dan l-istaġun qed ikun wieħed mill-aqwa għalihom fil-kampjonat issa ilhom tliet logħbiet ma jirbħu u jittamaw li jekk mhux bil-mod li rebħu l-ewwel round kontra Naxxar, fejn għelbuhom 5-1, tal-inqas jiksbu 3 punti li bihom jikkonsolidaw ir-raba’ post.

Sliema Wanderers vs Birkirkara | Għada, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium

Konfront ieħor li għandu jkun wieħed interessanti huwa dak bejn Sliema Wanderers u Birkirkara, b’dawn tal-aħħar fl-ewwel round jirbħu 1-0 b’gowl ta’ Andrei Ciolacu. Sliema ġejjin minn ħames rebħiet infila fil-kampjonat fejn bla dubju, flimkien ma’ Ħamrun, huma l-aktar tim fil-forma fejn kif diġa’ għedna drabi oħra t-tragward ta’ kwalifikazzjoni Ewropea għandha tkun il-mira ta’ dan it-tim li ta logħba lil kulħadd u mingħajr xenxilli żejda wera li l-futbol ma jintlgħabx biss bl-ismijiet iżda wkoll b’wirjiet kollettivi. Bħal kull partita din hija waħda importanti għas-Slimiżi aktar u aktar meta jinsabu biss punt taħt Floriana u għalhekk hemm iċ-ċans li l-Blues anke jaqbżu fit-tieni post ġaladarba Floriana jonqsu milli jiksbu punti massimi kontra Gżira. Birkirkara ġejjin minn telfa diżappuntanti ta’ 2-1 ma Santa Lucia, mingħajr ma wieħed inaqqas mill-mertu tas-Saints li jidher li qed isibu saqajhom. Punt pożittiv mill-aħħar partita kien l-akkwist il-ġdid Andrea Zammit li minkejja t-telfa kellu prestazzjoni tajba fejn anke kien viċin li jiskorja l-ewwel gowl tiegħu. Partita diffiċli għall-Istripes li iżda jridu jagħmlu minn kollox biex tal-inqas ma jitilfux u jibqgħu mal-ewwel sitta.

Gudja United vs Mosta | Għada, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali

Fl-aħħar partita tal-Ħadd fl-Istadium Nazzjonali jiltqgħu Gudja kontra Mosta, żewġ timijiet li jinsabu fl-aħħar postijiet tal-klassifika, b’Gudja, l-uniku tim bla rebħa, li jinsab ankrat fl-aħħar post b’6 punti daqt Sirens filwaqt li Mosta fit-12-il post bi 12-il punt. M’hemmx xi ngħidu li ż-żewġ timijiet għandhom bżonn rebħa minn dan il-konfront b’Gudja li jinsabu maqtugħin l-iktar mis-salvazzjoni filwaqt li Mosta rebħa tista’ taqlagħhom miż-żona l-ħamra. Gudja se jkollhom nieqed lid-difensur Ricardo Rodriguez li jinsab sospiż logħba. Il-partita fl-ewwel round kienet xiedha ta’ kemm dawn iż-żewġ timijiet jinsabu fl-istess ilma bil-partita tispiċċa fi draw ta’ 0-0.