Lokali

“Joseph Muscat qed jerġa jaħtaf lill-pajjiż biex ma jirrispondix għal għemilu” – Repubblika

Muscat qed jaħtaf il-Partit Laburista biex jassigura li l-liġi ma tgħoddx għalih. Il-kandidatura ta’ Joseph Muscat għall-Parlament Ewropew iġġedded f’Malta s-saltna tad-delinkwenti. 

Huwa ċar li issa Robert Abela sar il-pupu ta’ Joseph Muscat,  Saħansitra l-bieraħ Abela wasal biex jiskredita l-inkjesta li qed tindaga lil Joseph Muscat għall-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. L-imġieba ta’ Robert Abela hija tal-mistħija.

Dan huwa kollass tas-saltna tad-dritt. 

Malta qed issir pajjiż fejn il-liġi mhix l-istess għal kulħadd.  Pajjiż fejn Joseph Muscat jista’ jinxtara u jaħsel il-flus imbagħad juża l-elezzjonijiet biex jevita l-ħabs. Haddiehor kien jgħid li pajjiz bhal dan huwa pajjiz fejn hemm ligijiet ghall-allat u ligijiet ghall-bhejjem.

Dan hu abbuż tad-demokrazija u ħtif tal-istituzzjonijiet għal skopijiet kriminali. L-ebda elezzjoni ma ħaslet lil Joseph Muscat minn dnubietu. U lanqas se taħslu l-elezzjoni Ewropea li ġejja. 

Nistgħu nassigurawh li r-reżistenza tagħna ma tieqafx hawn u li se nibqgħu impenjati sakemm illum jew għada iħallas t’għemilu.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa minn Repubblika.