Lokali

“Kunu t-tarka tal-Għawdxin kollha” – Bernard Grech

Kunu t-tarka tal-Għawdxin kollha, irrispettivament jekk hux Nazzjonalisti jew Laburisti, għax hekk titlob mingħandkom il-pożizzjoni ta’ Sindki u Kunsillieri Lokali.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul laqgħa li kellu mas-Sindki, Kunsillieri Lokali u Kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali Għawdxin fis-Sub-Headquarters tal-Partit f’Ta’ Sannat – laqgha li għaliha kienu preżenti wkoll ix-Shadow Minister għall-Gvern Lokali Chris Said, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u l-kordinatur tal-Kunsilli Lokali Charles Bonello.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista minn naha tieghu fakkar kif il-Gvern ta’ Robert Abela nesa għal kollox lil Għawdex u lill-Għawdxin – u għalhekk, għandhom ikunu l-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista li jagħmlu dak li mhux kapaċi jagħmel il-Gvern: jiddefendi l-ħtiġijiet ta’ Għawdex u l-Għawdxin.


Hu tenna li s-Sindki u l-Kunsillieri Lokali huma importanti fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista u l-impenn tagħhom ikompli jgħin biex anke f’Għawdex ikun hemm kwalità ta’ ħajja aħjar.
Din il-laqgħa kienet parti minn tmiem il-ġimgħa ta’ ħidma li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista qed jagħmel fost l-Għawdxin, fil-gżira Għawdxija. Il-Ħadd, imbagħad, hu se jkun qed iżur Għajnsielem u l-Belt Victoria qabel ma jindirizza l-‘Ikla tal-Ħbieb’ fil-lukanda Cornucopia, fix-Xagħra.