Numru partikolari ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari laburisti jinsabu mħasbin bir-ritorn tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat; li fuqu għad għandu diversi dellijiet u akkużi serjissimi.
Filwaqt li 15-il membru minn 26 membru tal-kabinett iridu li jirritorna Muscat fix-xena politika, huma nkwetati ferm illi dan ir-ritorn jista’ joħloq kriżi oħra fil-Partit Laburista. Dan hekk kif Muscat, fost l-oħrajn, għad għandu inkjesta kriminali imdendla fuq rasu.
Mat-Times, wiehed minn tal-Labour – li tkellem bil-kundizzjoni tal-anonimità – saħansitra stqarr illi minkejja li jaċċetta r-ritorn tal-eks Prim Ministru, huwa jippreferi li jnaqqas mill-appoġġ għall-Labour fl-elezzjoni li jmiss milli jipproteġi l-aġir ta’ Joseph Muscat.
Minn fost dawk li tkellmu mat-Times, il-ġurnal semma’ lill-eks Mexxej Laburista Alfred Sant – illi stqarr li ma xtaqx jikkummenta dwar ir-ritorn ta’ Muscat. Dan filwaqt li Rosianne Cutajar qalet li tappoġjah.
Skont il-membri parlamentari li tkellmu mat-Times, id-delegati Laburisti huma għattxana għar-ritorn ta’ Joseph Muscat għaliex huma mdejjqin bit-tmexxija ta’ Robert Abela. Minkejja li jafu li dan ir-ritorn se jkun perikoluż għat-tmexxija ta’ Abela għaliex issa, se jkun fid-dell tal-popolarità ta’ Joseph Muscat….bil-PL jispiċċa b’żewġ mexxejja.
Fatt ieħor inkwetanti għad-delegati u l-membri parlamentari tal-PL huwa li Joseph Muscat mhux milqugħ mill-Partit Soċjalista Ewropew….u għalhekk il-kandidatura ta’ Muscat tista’ ssarraf f’problema bejn il-Labour u s-Socjalisti tal-Ewropa.
Joseph Muscat, kien sforzat li jirriżenja minn Prim Ministru lura fl-2019, wara li tul it-tmexxija tiegħu l-pajjiż sab ruħu fi kriżi wara kriżi – kaġun tal-iskandli li ħakmu l-Gvern tiegħu. Fosthom, is-serq mid-deal tal-isptarijiet ta’ Vitals u Steward, u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>