Lokali

Carmen Ciantar tfittex refuġju f’Jo-Etienne Abel

It-taqliba tal-Kabinett imħabbra aktar kmieni dan ix-xahar xejn ma niżlet tajjeb ma’ Carmen Ciantar, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewieni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS).

Din it-taqliba mhux biss ratha titbiegħed minn Chris Fearne li kien imexxi d-dekasteru tas-Saħħa u li taħtu kienet taqa’ l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, iżda rat itirulha wkoll mar-riħ l-isforzi kosmetiċi li għamlet fl-aħħar xhur biex tkun fil-good books tas-Segretarju Parlamentari Chris Bonett li taħtu kellu l-Paola Hub li sal-lum għadu ma jista’ jitlesta b’xejn u qatt! Chris Bonett issa sar Ministru responsabbli mit-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi.

L-għeruq ta’ dan l-inkwiet kollu ġejjin mill-fatt li l-kuntratt ta’ Carmen Ciantar bħala l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi bi dħul ta’ xejn inqas minn €700,000 issa wasal biex jiskadi fi ftit ġimgħat oħra biss. Fil-fatt dan il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ sa Mejju li ġej.

Carmen Ciantar, illum well off grazzi għal dan il-kuntratt mogħti lilha minn Chris Fearne bil-barka ta’ Robert Abela, issa hi inkwetata dwar x’se jkun qiegħed jiġri minnha. Chris Fearne se jdabbar rasu lejn Brussell. Chris Bonett probabbli li jista’ joffrilha rwol biss ma’ xi kuntrattur fit-tarmak jew il-konkrit! U wisq qed tibża’ li mid-dħul eżorbitanti li għandha se tispiċċa bi dħul ħafna inqas!

Allura issa qegħda tinvesti ħafna ħin fin-nies tal-Ministru l-ġdid Jo-Etienne Abela li hu responsabbli mis-Saħħa iżda skont sorsi infurmati fid-dekasteru tiegħu ma tantx jidher li hu ħerqan li jagħmel l-iżbalji grossolani tal-predeċessur tiegħu u jispiċċa mperreċ mal-midja kollha. Għalih dan hu inkwiet bla bżonn u fuq il-platt tiegħu diġà għandu ħafna wara li mill-predeċessur tiegħu wiret straġi sħiħa għar-rigward tal-Isptar Mater Dei.

Ta’ min ifakkar li s’issa Carmen Ciantar tgawdi minn kuntratt lussuż ta’ €163,000 fis-sena… sempliċiment għaliex oriġinarjament kienet, fost l-oħrajn, il-Campaign Manager ta’ Chris Fearne. Dan il-kuntratt kien ingħatalha fl-2019 u l-kariga ta’ dan ir-rwol fuq il-bażi ta’ person of trust kienet ta’ Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi.

Dak il-kuntratt kien ifisser li Carmen Ciantar hi waħda mill-ogħla uffiċjali impjegati mal-Gvern b’paga eżorbitanti hekk kif fuq ħames snin se tkun qed iddabbar xejn inqas minn €700,000!

Sigriet magħruf hu li l-uniku uffiċjali li jaqla’ aktar minn Carmen Ciantar hu l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, l-Eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Eks Prim Ministru, Joseph Muscat.

Skont l-aktar kuntratt riċenti tagħha bħala Kap Eżekuttiv, li għalih ġiet appuntata mingħajr sejħa pubblika u dan fuq istruzzjonijiet diretti tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, Carmen Ciantar kienet qed titħallas salarju bażiku ta’ €115,000 fis-sena, li jiżdied b’€5,000 fis-sena sakemm tilħaq is-salarju ta’ €130,000 fis-sena, id-doppju tal-Ministru tagħha.

Ma’ dawn Carmen Ciantar għandha bosta perkaċċi, fosthom bonus annwali ta’ għoxrin fil-mija li jrid ikun approvat minn Chris Fearne nnifsu, allowance għall-karozza ta’ €7,000 fis-sena, u pakkett komprensiv ta’ insurance tas-saħħa, li għal persuna ta’ aktar minn ħamsin sena jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta madwar €5,000 oħra fis-sena.

Tajjeb li wieħed ifakkar li Chris Fearne kien diġà ħatarha Kap Eżekuttiv tal-istess Fondazzjoni fl-2016 għal tliet snin iżda dak iż-żmien kellha kuntratt orħos minn dak attwali u kien ta’ €80,000 fis-sena. Iżda eżatt qabel skadielha l-kuntratt, Chris Fearne taha żieda sostanzjali fil-paga fi żmien li l-kanvasser tiegħu kienet qed tagħti l-appoġġ tagħha fil-kampanja ta’ Chris Fearne għall-ħatra ta’ Mexxej tal-Partit Laburista.

Carmen Ciantar serviet f’bosta strutturi tal-Partit Laburista, fosthom fl-Għaqda Nisa Laburisti u qabel ma qabżet fuq il-karru ta’ Chris Fearne qabel l-Elezzjoni tal-2017, kienet ilha Kap Eżekuttiv tal-ARMS sa minn meta tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern fl-2013, dak iż-żmien taħt id-dekasteru tal-Eks Ministru Korrott Konrad Mizzi.

Apparti x-xogħol tagħha mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar kienet appuntata wkoll bħala Gvernatur tal-Awtorità Maltija tal-Gaming, li għaliha kienet titħallas onorarja oħra.

Jekk dawn ir-rapporti għamlu ħsara irreparabbli lid-dehra ta’ Chris Fearne, mhux b’inqas għamlu r-rapporti dwar kif l-istess Deputat Prim Ministru ta impjieg maċ-Ċivil lit-tifla tal-Campaign Manager tiegħu.

Celine Camilleri Ciantar, li dakinhar kellha 26 sena biss, kienet tpoġġiet fuq il-Bord Mediku li jiddeċiedi liema pazjenti jmorru barra l-pajjiż għal xi forma ta’ trattament. It-tifla tal-Campaign Manager ta’ Chris Fearne ggradwat bħala dentist ftit tas-snin ilu.

Mhux magħruf eżatt x’esperjenza kellha Celine Camilleri Ciantar fejn jidħol trattament ta’ pazjenti barra l-pajjiż.