Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Aktar provi ta’ missili… fost indikazzjonijiet li Kim Jong-un qed iħejji għall-gwerra

Il-Korea ta’ Fuq komunista sparat, bi prova, numru ta’ missili ‘cruise’ waqt eżerċizzju navali ‘il hinn mill-kosta tal-lvant u viċin il-port ta’  Sinpo.

Intant, il-Korea t’Isfel qed isegwi s-sitwazzjoni b’attenzjoni kbira fi żmien meta l-Korea komunista qed tippersisti bl-aġir aggressiv li kapaċi jħalli l-konsegwenzi koroh ħafna għall-kontinent kollu.

Dan ukoll meta l-Koreani komunisti ilhom ix-xhur jippruvaw il-missili – u bit-tensjoni fir-reġjun qed issir dejjem aktar akuta.

Kien proprju nhar l-Erbgħa, li  l-Korea komunista pruvat anki missila ‘cruise’ strateġika, bl-isem Pulhwasal-3-31. Dan meta mistenni li l-komunisti għandhom jibqgħu għaddejjin bil-provi simili minn ġimgħa għall-oħra.

L-ogħla kmandanti militari tal-Korea t’Isfel qalu, sadanittant, li huma qed jikkoordinaw mill-qrib mal-Istati Uniti biex jissorveljaw bl-aħjar mod l-indikazzjonijiet inkwetanti mingħand il-ġar komunista.

Il-provokazzjonijiet minn Pyongyang anki qed jiftħu xenarju ġdid u mill-aktar preokkupanti – b’aktar pajjiżi qegħdin jikkunsidraw bis-serjetà jekk Kim Jong-un iridx tassew idaħħal ir-reġjun tiegħu fi gwerra.

Fil-fatt,  Kim jidher li qed jaddotta politika barranija dejjem aktar aggressiva mindu ħareġ pajjiżu minn diversi ftehim intiżi għall-paċi u stabbilità fil-penisola Koreana.

Fl-istess ħin, il-Korea ta’ Fuq qed tiftaħar  kontinwament bit-tagħmir militari li qed tintroduċi minn żmien għal żmien — u meta, illum, anki qed twettaq il-provi għal drones li jintużaw għall-attakki taħt il-baħar, kif ukoll għall-missili li kapaċi jġorru arma nukleari.

Il-provi tal-missili konsistenti mill-Korea ta’ Fuq qed isiru wkoll bi sfida diretta għan-Nazzjonijiet Uniti li ilha s-snin li imponiet is-sanzjonijiet fuq dan l-Istat komunista.

U t-tħassib li l-Korea komunista qed tħejji tassew għall-gwerra kompla jirranka wara li Kim Jong-un, aktar kmieni fix-xahar, iddikjara li pajjiżu ma baqax interessat fil-proċess ta’ reunifikazzjoni mal-Korea t’Isfel –  tant li r-reġim fi Pyongyang illum qed jikkunsidra  lill-ġar bħala ‘għadu prinċipali’.