Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, ħeġġeġ biex il-pajjiżi li waqqfu l-għajnuna lill-Aġenzija (tan-NU) għall-għajnuna lir-refuġjati Palestinjani jibdlu l-ħsieb u jkomplu b’din l-għajnuna f’sitwazzjoni mill-aktar ikkumplikata minn aspett umanitarju.
L-appell għall-u-turn ħareġ wara li tmien pajjiżi, fosthom ir-Renju Unit, waqqfu din l-għajnuna minħabba li Iżrael żvela li membri tal-istaff tal-aġenzija UNRWA kienu involuti fl-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru mill-ġellieda tal-Ħamas fuq il-komunitajiet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
L-aġenzija inkwistjoni, intant, qalet li qed tinvestiga l-akkużi filwaqt li saħqet li keċċiet diġà, numru ta’ impjegati.
Min-naħa tiegħu, Guterres fakkar lill-pajjiżi dwar il-ħteġiet urġenti tal-poplu disprat f’Gaza, waqt li tenna li l-obbligi tal-għajnuna ma jistgħux jibqgħu ‘paralizzati’.
Il-pajjiżi l-oħra li sospendew il-finanzjament lill-UNRWA huma l-Awstralja, il-Kanada, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u l-Istati Uniti.
Il-UNRWA – jew kif inhi magħrufa, il-United Nations Relief and Works Agency – hi l-akbar aġenzija tan-NU li qed taqdi funzjoni partikulari f’Gaza. Din l-aġenzija tipprovdi l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u tipi oħra ta’ għajnuna umanitarja lill-Palestinjani residenti f’Gaza, ix-Xatt tal-Punent, il-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja.
U fiż-żmien kollu li Iżrael ilu għaddej bl-offensiva fuq il-Ħamas, l-istess aġenzija użat il-faċilitajiet tagħha madwar Gaza bħala forom ta’ kenn għall-mijiet tal-eluf taċ-ċivili kostretti li jgħixu bħar-refuġjati.
//= $special ?>

