Jason Micallef, Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, kellu kliem iebes għal Robert Abela għar-rigward tal-għaġġla żejda biex fil-jiem li għaddew – proprju fl-ewwel jiem ta’ sena ġdida – ressaq White Paper dwar riforma fil-qasam tad-droga.
Jason Micallef, perpless kif il-Gvern ta’ Robert Abela jagħmel dawn l-iżbalji strateġiċi li filli l-pajjiż ikun qiegħed jitkellem dwar kif se jilqa’ għall-inflazzjoni, imbagħad, f’daqqa waħda u b’ħafna għaġġla, l-istess Gvern ta’ Robert Abela jressaq din il-Whilte Paper dwar riforma fil-
qasam tad-droga li litteralment tiddevja l-attenzjoni minn fuq it-temi li tassew għandu jitratta l-pajjiż fl-ogħla skaluni tal-aġenda tiegħu.
Waqt li fil-jiem li għaddew kien qiegħed jieħu sehem fi programm ta’ diskussjoni fuq ir-radju, Jason Micallef qal li hu jqis is-suġġett tad-droga bħala wieħed delikat ħafna u “l-agħar ħaġa li tista’ ssir hi li naqgħu fin-nassa u nitkellmu b’mod partiġġjan dwar suġġett sensittiv bħal dan.”
Hu qal f’din il-White Paper il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed iressaq sett ta’ proposti li wieħed għandu jitkellem dwar jekk humiex tajbin jew le darba jkun studjahom u rahom fid-dettall.
Żied li iżda fatt ċert f’pajjiżna hu li aħna mdawrin b’infestazzjoni ta’ droga u hawn ħafna familji li għandhom flaġell sħiħ tal-problema ta’ droga. “Wasalna fi stadju li tmur f’ċerti ristoranti expensive, tmur it-toilet u tistħi tistenna għaliex tkun taf x’inhu għaddej!
“U xi ngħidu għal x’jiġri waqt ċerti festini tal-magħmudijiet, tal-preċetti, ta’ tiġijiet? U fil-festi? Għandna problema ta’ infestazzjoni ta’ droga.”
Hawnhekk Jason Micallef, bl-aktar mod assertiv, qal li tajjeb li kulħadd japprezza li l-kwistjoni tad-droga hi waħda sensittiva ħafna u fir-rigward tiegħu hu għandu tolleranza zero għad-droga.
Filwaqt li kkritika lill-Gvern ta’ Robert Abela għall-għaġġla tiegħu dwar it-tnedija ta’ din il-White Paper, Jason Micallef staqsa jekk waqt it-tiswir ta’ din il-White Paper ġewx mitkellma l-Caritas u l-OASI li jaħdmu qatigħ fil-ġlieda kontra d-droga u biex jieqfu mal-vittmi tant li jipprovdu ħafna servizzi u jagħmlu ħafna xogħol.
Hu reġa’ staqsa lill-Gvern ta’ Robert Abela kenitx prijorità u opportuna bħalissa t-tnedija ta’ din il-White Paper u saħaq li fil-fehma tiegħu din hi turija ta’ “inġenwinità kbira li spiċċat biex ħadet over l-aġenda tal-pajjiż.”
Jason Micallef kellu kliem iebes anki għall-fatt li tali White Paper kienet qed tkun imnedija ftit tax-xhur biss wara r-riforma u l-leġislazzjoni dwar il-kannabis u reġa’ staqsa għaliex din l-għaġġla kollha.
Tajjeb li wieħed ifakkar li dakinhar tal-leġislazzjoni favur il-kannabis, jiġifieri ftit tax-xhur ilu biss, Jason Micallef fuq il-midja soċjali kien wera ruħu mhux biss inkorlat imma anki ddispjaċut dwar il-mod kif il-Gvern ta’ Robert Abela kien sawwar l-affarijiet… għal darba oħra b’ħafna għaġġla u kien saħaq li dwar dik il-kwisjoni tant delikata l-Partit
Laburista kellu jsejjaħ Konferenza Ġenerali qabel jiddeċiedi fuq il-kannabis.
Dakinhar Jason Micallef, Eks Chairperson ta’ ONE TV, kien insista wkoll li qabel jieħu pożizzjoni fuq il-legalisazzjoni tal-kannabis, l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista kellu l-ewwel ilaqqa’ lid-delegati għal Konferenza Ġenerali Straordinarja.
F’messaġġ fil-midja soċjali dakinhar, Jason Micallef kien saħaq li din il-proċedura toħroġ mill-istess Statut tal-Partit Laburista u nsista li fuq policy jew materji sensittivi, għandhom ikunu d-delegati li jiddeċiedu.
“Jien delegat tal-Konferenza, ma naqbilx u kont nivvota LE, permezz ta’ vot sigriet wara diskussjoni fil-Konferenza,” kien insista Jason Micallef dakinhar. “Hekk biss titlob demokrazija f’partit.”
Saħansitra qal li jinsab kien jinsab inkorlat u ddispjaċut fuq il-mod kif ittieħdet din id-deċiżjoni.
Fil-fatt dakinhar u skont is-sit The Journal, sit ġdid tal-aħbarijiet bl-Ingliż tal-Partit Laburista, b’reazzjoni għall-White Paper tal-Gvern fuq l-użu tal-kannabis, kien ingħad li l-Partit Laburista se jkun qed isejjaħ għal-legalizzazzjoni tal-kannabis u mhux sempliċiment għad-dikriminalizzazzjoni tagħha.
Jason Micallef kien saħaq li hu favur id-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu personali iżda kien oppona l-legalizzazzjoni.
Fil-fatt, f’post separat, Jason Micallef kien faħħar ukoll lill-Caritas u lid-direttur tagħha Anthony Gatt u qal ċar u tond li ma jaqbel xejn li l-kannabis tkun legalizzata.
Barra minhekk tajjeb li nfakkru wkoll fi ktiba oħra minn Jason Micallef kontra d-droga proprju kien irrifera għal dak li kien qal Monsinjur Marion Grech, illum Kardinal, meta kien tkellem ċar u tond dwar il-pjaga misħuta taddorga li qed tifni lis-soċjetà tagħna minn ġewwa.
Kien qal li t-teħid bl-addoċċ tad-droga ma jieqafx biss mal-festi, iżda sar “moda” fit-tiġijiet ukoll, f’attivitajiet soċjali u saħansitra kien sema’ li tintuża wkoll f’festini bħal dawk tal-magħmudija!
Hu kien qal li l-omertà f’dal-pajjiż ukoll qed twassal biex dil-pjaga tibqa’ tinfetaħ. “Kieku qatt tara jew tisma’ programm fuq l-istazzjonijiet lokali mill-bosta li jiftaħru li huma “personalitajiet” li allura jqajmu dan
is-suġġett jew inkella diskussjonijiet fil-programmi tagħhom. U dan biex ma jmurx xi ħadd, xi mkien, iħammrilhom wiċċhom!
Agħar minn hekk, qatt ma tisma’ politiku jew xi lil xi Membru Parlamentari jlissen kelma iebsa jew iqajjem das-suġġett bit-tama, żghira kemm hi żgħira, li titqajjem kuxjenza biex dis-sitwazzjoni allarmanti tingħata l-attenzjoni xierqa kif inhu obbligu tal-Parlament Malti qabel ikun tard wisq.
“Rajt, u smajt iżżejjed b’każijiet ta’ teħid ta’ droga jifni familji sħaħ, jaħsdilhom lil uliedhom jew l-għeżież tagħhom għal dejjem ta’ dejjem,” kien temm jikteb Jason Micallef.
Tajjeb li nfakkru wkoll li dwar din il-White Paper maħruġa mill-Gvern ta’ Robert Abela, il-Caritas Malta, il-Fondazzjoni OASI, l-Assoċjazjoni għall-Iskejjel tal-Knisja u s-Segreterjat għall-Edukazzjoni Nisranija li fi stqarrija konġunta fil-jiem li għaddew urew it-tħassib tagħhom u wrew it-tama tagħhom ukoll li: “Aħna nittamaw li l-awtoritajiet kompetenti jisimgħu dan it-tħassib li anki twassal mill-Awtorità għall-użu Responsabbli tal-Kannabis,u jieħdu azzjoni immedjata billi jipprojbixxu l-prodotti kollha tal-HHC biex jipproteġu l-komunitajiet tagħna speċjalment lit-tfal u ż-żgħażagħ.”
Caritas Malta, Fondazzjoni OASI, l-Assoċjazjoni għall-Iskejjel tal-Knisja u s-Segreterjat għall-Edukazzjoni Nisranija temmew l-istqarrija tagħhom jappellaw ukoll lis-sidien tal-ħwienet biex iżommu lura milli jbigħu prodotti bħal dawn speċjalment lill-minuri.
Barra minn hekk f’kumment fuq il-midja f’dawn il-jiem, Anthony Gatt, id-Direttur ta’ Caritas Malta, iddikjara li l-għaqda mhux governattiva li taħdem mal-vittmi tal-vizzju tad-droga ma kinitx taf bil-proposta li tista’ twassal biex persuni b’ammonti kbar ta’ droga jitqiesu bħala vittmi.
Il-proposta hi parti minn riforma li l-Ministeru għall-Ġustizzja fetaħ għall-konsultazzjoni pubblika u qed tissuġġerixxi li l-Qorti tingħata l-għażla li tqis lil min jinqabad b’500 pillola ecstasy, 200 gramma eroina, 200 gramma kokaina jew nofs kilogramma kannabis bħala vittma tal-vizzju tad-droga.
Id-Direttur ta’ Caritas Malta ddikjara li din mhix xi riforma li Caritas kienet qed tipprova timplimenta u indika li sar jaf b’din il-proposta meta tħabbret fil-pubbliku fil-jiem ta’ qabel.
Tajjeb li jingħad li din id-dikjarazzjoni tikkuntrasta ma’ dak li qal Rober Abela fil-jiem ta’ qabel hekk kif meta mistoqsi speċifikament jekk kellux laqgħat ma’ Sedqa u ma’ Caritas Malta, Robert Abela kien ċar meta qal li saru laqgħat imma ma setax jagħti dettalji dwarhom għax id-diskussjonijiet saru fil-privat!
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, Antoinette Vassallo, il-Kummissarju għat-Tfal, fi stqarrija esprimiet it-tħassib tagħha li prodotti li jinkludu sustanzi tal-ħaxixa, bħal hexahydrocannabinol (HHC), HXC jew THC-Mix qed jinbiegħu faċilment f’Malta.
Saħansitra kien innutat li dawn il-prodotti jinstabu bil-forma ta’ affarijiet tal-ikel bħal gummy bears, li huma attraenti għat-tfal, fl-istess waqt li huma aċċessibbli faċilment.
Fid-dawl ta’ dan, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, esprima l-inkwiet tiegħu li dawn il-prodotti qed jinbiegħu faċilment minkejja li huma ta’ ħsara għal dawk li jikkunsmawhom, u appella biex l-awtoritajiet konċernati biex jieħdu azzjoni u jiġi pprojbit il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti fl-aħjar interessi tat-tfal.
//= $special ?>