Lokali

Ir-ritorn ta’ Joseph Muscat jista’ joħloq riperkussjonijiet kbar għal pajjiżna

“Persuna pubblika li tabbuża mill-poter m’għandiex terġa’ tingħata opportunita oħra.”

Dan intqal mill-editorjal fil-ġurnal ‘The Malta Independent on Sunday’ b’referenza għar-ritorn tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Dan hekk kif matul din il-ġimgħa ddominat l-aħbar li Muscat jaf jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew…l-istess persuna li tilfet il-poter kollu wara diversi protesti f’perjodu ta’ kriżi politiku għal pajjiżna.

L-editorjal tal-Independent jgħid li mill-2013 ‘il quddiem il-Partit Laburista permezz ta’ Joseph Muscat u Robert Abela adotta l-mentalità ta’ ‘kollox jgħaddi’ bl-aġir ta’ Abela fl-aħħar jiem jikkonsolida din il-mentalità f’livell ferm ogħla.

L-editur saħaq li Robert Abela jeħtieġ li jifhem li pajjiżna għandu bżonn Prim Ministru għall-pajjiż kollu u mhux avukat li jiddefendi lil dawk tal-qalba. U allura, individwi li jinqabdu jabbużaw mill-fiduċja tal-poplu – huma min huma, u rrispettivament mill-kapaċitajiet tagħhom – m’għandhomx jingħataw ċans ieħor. Bl-Independent tgħid illi dak kollu li seħħ matul din il-ġimgħa qed iwassal il-messaġġ li kemm Robert Abela u kif ukoll Joseph Muscat ma jemmnux fil-kunċett ta’ “responsabbiltà politika”.

Minn naħa l-oħra l-editorjal tal-MaltaToday qal li issa reġa’ infetaħ il-bieb għall-klikka ta’ Joseph Muscat.

U jingħad illi jekk Robert Abela m’għandux is-saħħa li jgħid le lil Muscat, għandu jkun il-Partit Laburista li jieħu din id-deċiżjoni għalih.

Bil-karikatura f’dan il-ġurnal turi li ma kull ġurnata li tgħaddi Robert Abela qed jitlef il-poter tiegħu – u Joseph Muscat jidher jipprova jaqleb “it-tron” ta’ Abela.

Għaldqastant, il-ġurnali saħqu li l-istqarrija ta’ Muscat li jaf joħroġ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se ġġib magħha riperkussjonijet kbar għal Malta – sitwazzjoni li pajjiżna ma jiflaħx għaliha.