Lokali Saħħa

Is-sistema fl-Isptar Mater Dei qed tikkollassa

Wara li d-dekasteru tas-saħħa bidel l-idejn minn Chris Fearne għal Jo-Etienne Abela...jinkixfu realtajiet u veritajiet mistura u moħbija.

Is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei hi waħda tat-tħassib fejn kważi kollox qiegħed jikkollassa u filwaqt li l-istaff jipprova jagħmel il-mirakli fil-verità qiegħed jirriżulta li hemm ħafna mill-istaff li huma mixruba bil-ħinijiet twal ta’ servizz li qegħdin jagħmlu. Iżda l-agħar fiċ-ċirkostanzi kollha hu li l-pazjent qiegħed ikun trattat bħala numru u xejn aktar.

Nistgħu niżvelaw illum li n-nies tal-Ministru l-ġdid tas-Saħħa – Jo-Etienne Abela – issa li qegħdin isibu saqajhom fid-dekasteru l-ġdid tagħhom wara li wirtu s-Saħħa mingħand id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, huma xxukkjati b’dak li qed jirriżultalhom li jinsab fih l-Isptar Mater Dei.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li f’eżerċizzju ta’ stock take li sar fil-jiem li għaddew irriżultaw lit-tim il-ġdid fis-settur tas-Saħħa u li hu mmexxi mill-Ministru Jo-Etienne Abela li s-sitwazzjoni hi ferm agħar milli wieħed kien jaħseb jew jimmaġina.

Mill-ewwel laqgħat li saru jirriżulta li l-problemi prinċipali fl-Isptar Mater Dei ġejjin mill-fatt li hemm ċerti tip ta’ operazzjonijiet fejn il-waiting lists fihom huma relattivament twal ħafna.

Jirriżulta fost l-oħrajn li hemm stennija ta’ aktar minn 15,768 stennija biex pazjenti jsirilhom MRI!

Barra minhekk hemm iċ-ċifri jikkonfermaw dak li ngħad fil-Parlament ftit tal-ġimgħat ilu meta kien żvelat li mal-1,573 pazjent qegħdin ‘priġunieri’ jistennew l-operazzjonijiet tagħhom fl-Isptar Mater Dei.

Hemm aktar minn 900 pazjent li qegħdin jistennew biex jagħmlu l-opeazzjoni tal-irkoppa ħalli din tinbidel; Hemm mal-500 pazjent li qegħdin jistennew operazzjoni tal-katarretti u mal-150 pazjent ieħor li qegħdin jistennew għal operazzjoni ta’ sostituzzjoni tal-ġenbejn.

Jirriżulta skont din l-informazzjoni li kienet ingħatat fil-Parlament ħal Mistoqsijiet Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg ftit tal-ġimgħat ilu, li b’kollox 1,573 pazjent ilhom jistennew aktar miż-żmien stipulat mill-Patient Charter.

Iċ-Charter tal-Pazjent tindika li f’każijiet urġenti fejn is-saħħa tal-pazjent tkun f’periklu imminenti iżda mingħajr dijanjosi ta’ deterjorament tas-saħħa, l-intervent għandu jibda fi żmien tnax-il ġimgħa.

Għal każijiet inqas urġenti li ma jipperikolawx is-saħħa tal-pazjent, il-perjodu ta’ stennija huwa ta’ tmintax-il xahar.

Is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei tkompli tikkomplika ruħha bil-fatt li hemm għadd ġmielu ta’ swali li huma mballati bil-pazjenti. Dan apparti l-fatt li hemm kurriduri fl-istess Sptar li huma wkoll imballati bis-sodod.

Ta’ tħassib kif ċerti mediċini, anki mediċini bażiċi, huma out-of-stock u t-tobba m’għandhom l-ebda idea meta dawn il-mediċini se jkunu lura fl-Ispiżerija tal-Isptar.

Fi ftit kliem fl-Isptar Mater Dei jidher biċ-ċar li żviluppat l-attitudni li l-pazjenti jkunu trattati bħala numri… u xejn aktar. Spiċċa l-prinċipju tal-kura personalizzata u tal-attenzjoni personalizzata. Sfortunatament il-problema kbira tan-nuqqas ta’ staff ma tagħmilhiex possibbli li jkun hemm kura personalizzata u attenzjoni personalizzata.

Aktar u aktar din l-attitudni li l-pazjenti huma numri ġejja mill-fatt li ħafna mill-istaff huma persuni barranin li wħud minnhom anqas biss għandhom bażi ta’ lingwa Ingliża. Iva, staff f’Mater Dei li la jaf u anqas għandu l-arti li jikkomunika bl-Ingliż u wisq u wisq inqas bil-lingwa Maltija!

Pazjent anzjana Maltija f’sala partikulari fil-jiem li għaddew riedet li mis-siġġu tittella’ lura fis-sodda tagħha għaliex kienet għajjiet. Dan ma kienx possibbli għas-sempliċi raġuni li l-carer xogħol dak il-ħin ma fehmitx ix-xewqa tal-anzjana… minflok ġabitilha magg bit-te!

Fl-Isptar Mater Dei hemm sitwazzjoni wkoll ta’ staff li qiegħed jaħdem sigħat twal ta’ xogħol. Staff li tassew għejja fiżikament u mentalment. Fi ftit kliem illum il-ġurnata l-messaġġ li qiegħed jingħata lill-pazjenti u lil dawk li jkollhom bżonn xi ħaġa mill-Isptar Mater Dei hu wieħed sempliċi ħafna: “Tersaqx ’l hawn… mur u nqeda fil-privat”!

Għaliex anki d-Dipartiment tal-Emerġenza qiegħed jegħreq b’volum kbir ta’ xogħol li qiegħed jissarraf f’sigħat twal ta’ stennija għal min jirrikorri fl-Isptar Mater Dei!

Din il-kwistjoni spiss ħafna tkun trattata wkoll fil-midja soċjali u ċerti kummenti li ngħadu din il-ġimgħa kienu s-segwenti:

Rose Cassano: Is-sitwazzjoni hi tal-biża’. Miskin hu min ikollu bżonn jidħol hemm. Alla jilliberakom.

Carmen Grech: Sitwazzjoni xejn sostenibbli anki għall-fatt li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna fl-aħħar snin żdied u ħadd ma ħa ħsieb jara kif is-servizz tal-Isptar ikun ilaħħaq mad-domanda dejjem tikber. Is-sitwazzjoni bir-raġun kollu li tħasseb lil kulmin għandu ftit sens u kuxjenza.

Andre Attard: Jiddispjaċini ħafna għall-istaff li qiegħed ikun trattat qisu xi makna b’sigħat twal ta’ xogħol u b’responsabbiltajiet kbar għaliex meta tkun qed tittratta mal-pazjenti mhux xi ċajta.

Louis Micallef: Nammira lill-istaff għas-sagrifiċċji li jagħmel. Naf li hemm swali sħaħ fejn in-nuqqas ta’ infermieri qiegħed jikkaġuna piżijiet kbar żejda fuq il-kollegi u sfortunatament l-awtoritajiet jafu bil-problemi iżda ma jagħmlu xejn.

Maria Camilleri: L-ikel li jingħataw il-pazjenti ħafna drabi mhux tajjeb… anki mill-att ta’ dietà. Jekk pazjent għandu l-pressjoni kif jiekol ikel kollu melħ! Dawn l-affarijiet min suppost jikkontrollahom? Għaliex irridu nkunu aħna li ta’ kuljum nieħdu l-ikel sempliċiment għaliex l-ikel ippovdut ma jkunx tajjeb għal saħħet il-pazjent?

Maryrose Zahra: Jalla qatt ma jkolli bżonn nersaq lejn l-Isptar.

Teddy Portelli: Kif jista’ jkun li l-Isptar jaħdem sew? Anqas kieku jrid. Meta pajjiżna hu mifqugħ bil-popolazzjoni allura mhux ovvju li d-domanda se tiżdied iżda għal din id-domanda ma ħaseb ħadd.

Antonella Rogers Silvio: F’Mater Dei hemm ħafna affarijiet li għandhom bżonn li jkunu indirizzati bis-serjetà.

Rita Azzopardi: Ma nifhimx kif meta nċempel Mater Dei ħadd ma jweġibni!

George Cachia: Dan l-aħħar xi ħadd fil-familja ddaħħal l-Emerġenza… u dam jistenna aktar minn tnax-il siegħa! Ma naħsibx li dan it-trattament tal-pazjenti tagħna hu wieħed ġust.

Nathalie Borg: Jekk is-sitwazzjoni f’Mater Dei hi waħda diffiċli, ma ninsewx li anki f’Għawdex hawn l-Isptar Ġenerali fejn l-affarijiet mhumiex bizzilla… iżda bħal donnu li ħadd ma jagħti kas.

Fis-settur tas-Saħħa l-Gvern irid jaġixxi llum qabel għada
– Adrian Delia u Stephen Spiteri, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa u l-Politika Soċjali rispettivament

Sadattant f’konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni din il-ġimgħa, Adrian Delia u Stephen Spiteri, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa u l-Politika Soċjali rispettivament, fissru li s-settur tas-Saħħa jinsab kważi fi stat ta’ emerġenza minnu nnifsu u l-Gvern irid jaġixxi llum qabel għada għax il-konsegwenzi huma serji ħafna. Allaħares ma jkunux il-professjonisti mediċi għax li kieku, s-sitwazzjoni hi ħafna agħar. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista se jtenni l-impenn li dan is-settur jissaħħaħ minflok ma jagħmlu ballun politiku.

Fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċja s-settur tas-Saħħa minħabba d-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern Laburista fl-aħħar snin, Adrian Delia u Stephen Spiteri fissru li n-nuqqas ta’ investiment li suppost sar fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kif ukoll f’San Luqa u Karin Grech, li iżda baqa’ ma sarx qed iħalli dawn l-effetti, fosthom anke fuq l-Isptar Mater Dei, li mhux ilaħħaq mat-talba u qed jispiċċa jitħalla abbandunat. Barra minhekk, anke l-waiting lists għal MRI żdiedu, tant li f’sitt xhur kważi rduppjaw għal 15,000. Dan juri kif issa l-waiting lists m’għadhomx biss għall-operazzjonijiet, iżda anke għat-testijiet.

Huma żiedu li l-problema hi waħda akuta u jekk il-Gvern mhux se jagħmel l-investimenti meħtieġa, se jibqa’ jsofri l-poplu kollu. Dan anke fil-lista dejjem tiżdied ta’ mediċini out of stock u fil-mod kif is-sitwazzjoni qed issir problema soċjali, fejn hemm min jaffordja jieħu s-servizzi tal-privat u min jibqa’ mingħajr servizz għax ma jaffordjax. Il-Gvern suppost Soċjalista qed joħloq distinzjoni bejn dawk li jistgħu u dawk li ma jistgħux.

Adrian Delia u Stephen Spiteri tennew li, minħabba l-ineffiċjenza tal-Gvern, kull dipartiment qed jispiċċa jegħreq. Bħal fil-każ tal-kura tas-saħħa mentali, fejn il-pajjiż għadu qed jistenna sptar ġdid li ilu jwiegħed il-Partit Laburista u li se jkun ta’ prijorità għal Gvern ġdid Nazzjonalista. L-Isptar Monte Karmeli ma jixraqx lill-pazjenti u jinsab fi stat mhux adattat.

Fis-sezzjoni tal-kura psikjatrika għat-tfal u l-adoloxxenti hemm min ilu jistenna xhur fl-Out-Patients għax m’hemmx biżżejjed speċjalisti għall-ħtieġa li dejjem qed tiżdied. Barra minhekk, sar magħruf li fl-Isptar Monte Karmeli bħalissa hemm 264 pazjent, b’aktar minn għoxrin fil-mija minnhom qed jingħataw kura għal sfidi psikjatriċi minħabba abbuż ta’ droga meta posthom lanqas biss għandu jkun hemm.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-ħtieġa ta’ miżuri intermedjarji – għax issa qegħdin tard wisq – bħal sħubiji serji bejn il-Gvern u l-privat (PPPs), fejn jintużaw sptarijiet u entitajiet mediċi privati biex il-Maltin u l-Għawdxin jinqdew malajr kemm jista’ jkun.

Għall-Partit Nazzjonalista, mas-Saħħa m’hemmx kompromess u għandha tkun għal kulħadd. Hu għalhekk li għandu viżjoni fit-tul, li tindirizza wkoll l-isfidi ġodda li se jolqtu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu: saħħa għal kulħadd b’servizz ta’ kura mingħajr ħlas u b’kontabbiltà għal dawk kollha fis-settur.