Lokali

Neville Gafà b’kitbiet insidjużi li għandhom jimbarazzaw lill-Gvern ta’ Robert Abela

Kitbiet imbarazzanti, perikolużi u insidjużi ripetuti fuq il-midja soċjali minn Neville Gafà – il-famuż aġent tal-ħruġ tal-visas mediċi lill-Alġerini, Libjani u taħwid kbir ieħor fl-Aġenzija Identity Malta fis-snin li għaddew – dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti, in-Nato u l-gwerer ‘Russja-Ukrajna’ u ‘Iżrael-Palestina’ bla dubju ta’ xejn li għandhom jimbarazzaw lill-Gvern Malti kemm-il darba dan il-Gvern għandu idea ċkejkna ta’ korrettezza fid-diplomazija.

Sorsi infurmati fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, proprju l-post tax-xogħol fejn Neville Gafà jiftaħar li suppost qiegħed iservi fih, qalu lil Il-Mument li l-ewwel u qabel kollox hu inaċċettabbli li jekk verament Neville Gafà qiegħed fuq il-payroll tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jew xi mkien ieħor fl-istess dekasteru jagħmel kitbiet partiġġjani u mill-aktar perikolużi li faċilment jistgħu jħallu effett fuq il-politika barranija tal-Gvern Malti.

Aktar u aktar hekk kif f’dawn il-jiem Malta uffiċjalment nediet il-programm tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u Ian Borg, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, talab għall-irtirar immedjat tar-Russja mit-territorju kollu tal-Ukrajna filwaqt li tenna l-appoġġ lill-Ukrajna.

“Meta jien nitkellem, għall-barranin ikun qisu tkellem il-Gvern Malti. Jien fil-vesti tiegħi ta’ diplomatiku kull kelma li ngħid fiha piż kbir u tirrifletti fuq il-Gvern tal-pajjiż “Kull diplomatiku mhux biss mhux suġġerit għalih li jkollu midja soċjali biex fuqha joqgħod jikteb u jxerred il-ħsibijiet tiegħu, iżda hu imprudenti għalih li jagħmel affarijiet bħal dawn. Aħseb u ara li xi impjegat fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikun hemm xi impjegat li joqgħod jitkellem u jgħaddi l-ġudizzji dwar x’qed tagħmel l-Unjoni Ewropea, x’qed tagħmel l-Istati Uniti, x’qed tagħmel in-Nato, x’qed jiġri fil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna u x’qed jiġri fil-gwerra bejn Iżrael u l-Palestina,” qalilna sors fil-Korp Diplomatiku.

Hu kompla li imġiba bħal din mhux biss hi perikoluża, iżda fiha nnifisha infantili għall-aħħar għaliex dawn huma affarijiet li l-ebda diplomatiku serju ma jagħmel. “Aħna anki ma’ xulxin nitkellmu b’korrettezza kbira u naslu safejn għandna naslu fl-argumenti tagħna, aħseb u ara kemm il-Ministru għandu jħalli lil xi ħadd – f’dan il-każ lil Neville Gafà – ixerred kummenti u opinjonijiet u filmati bħal qisu xejn mhu xejn,” kompla l-istess sors ta’ Il-Mument.

Hu żied li tajjeb li wieħed jifhem li “aħna pajjiż ċkejken ħafna li rridu noqogħdu attenti ħafna kif nitkellmu u nġibu ruħna għal dak li għandu x’jaqsam mal-politika barranija tagħna li għandha tkun tirrispetta lil kull pajjiż u lid-djalogu u lill-paċi. Fuq kollox aħna pajjiż newtrali u għandna nżommu lil hinn milli bil-paroli żejjed nidħlu f’xi kontroversji bla bżonn.

“Xogħol id-diplomatiku u kulmin jaħdem fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin – kemm-il darba dan hu l-każ fir-rigward ta’ dan Neville Gafà – hu li nkunu ambaxxaturi denji, li nġibu l-investiment lejn Malta u li nassistu lill-Maltin li jkollhom bżonn xi assistenza,” żied is-sors ta’ Il-Mument.

L-istess sors uriena sensiela ta’ kitbiet li Neville Gafà għamel fl-aħħar xhur… spiss jattakk lill-Unjoni Ewropea jew lil xi pajjiż imsieħeb fiha, jew lill-Istati Uniti u lin-Nato u spiss ħafna jattakka lil Ukrajna u jfaħħar lir-Russja. Kitbiet kontroversjali wkoll fir-rigward tal-kunflitt imdemmi bejn Iżrael u l-Palestina.

“Dan kollu hu inaċċettabbli u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg u s-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru Christopher Cutajar għandhom iwaqqfu dawn l-affarijiet b’mod immedjat… biex ma ngħidx li tali persuna – jekk verament qegħda sservi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin – għandha titkeċċa miċ-Ċivil u dan kollu f’ġieħ is-suppost serjetà,” qalilna dan is-sors li temm jistaqsi kemm verament jagħmel sigħt ta’ xogħol Neville Gafà fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin!