Lokali

Robert Abela jagħmel minn kollox biex jaħbi isem Muscat

Robert Abela qed jipprova jibgħat messaġġ lill-partitarji tiegħu illi huwa “iffukat”. U fl-istess waqt, qed jipprova jitkellem dwar l-għaqda – propju għaliex il-gazzetti tal-Ħadd, irrappurtaw bi prominenza l-inkwiet intern li qed jaffaċja mill-klikka ta’ Muscat, wara li l-eks Prim Ministru ikkonferma li mhux jeskludi li jikkontesta għall-Ewropa.

Dan apparti li s-surveys qed juru li mill-elezzjoni ‘l hawn, il-Labour kompla jnaqqas.

Meta l-Ħadd kien qed jindirizza lill-partitarji fic-Centru Nazzjonali Laburista, Abela evita għal kollox it-tema ‘Joseph Muscat’. Iżda tkellem biss dwar dak li huwa sejjaħ “it-twemmin Laburista”.

Din il-laqgħa politika tal-Ħadd ma kinitx miftuħa għall-media bil-għan li l-magna ta’ Abela tikkontrolla sew il-messaġġ – kif ikkontrollat ukoll is-Super One meta fl-aħħar jiem ma ħallewx lill-ġurnalisti jirrappurtaw dwar l-possibbiltà li Muscat joħroġ għall-MEPs – fatt li kien rappurtat mill-gazzetti u l-portals kollha, għajr għall-media Laburista. Dan għaliex il-klikka ta’ Abela qed tibża’ li terġa’ titwarrab ladarba jirritorna fix-xena Muscat.

Intant, fid-diskors li preparawlu, Robert Abela għażel li jitkellem dwar l-iskema li suppost se twassal għal bidla fil-prezzijiet ta’ ċertu prodotti. Dan meta fil-verita, se jkunu biss ħmistax il-prodotti li se jkollhom il-prezz tagħhom fiss.

Din l-iskema, immexxija kompletament mill-privat, se tibda minn nhar il-Ħamis. U l-lista tinkludi spagetti u penne, il-corned beef, kapuljat frisk u friżat, pork chops, tiġieġ friżati, cornflakes, tonn taż-żejt u kafè.

Iżda hemm ħafna affarijiet li tħallew barra minn din il-lista. Fosthom il-ħobż u l-ħalib frisk, bajd, dqiq, butir, ġobnijiet u prieżet – dawn kollha ġew esklużi mil-lista.

Dan ifisser li l-affarijiet bażici li jintużaw kuljum anke sempliċiment biex tagħmel biċċa ħobż, ma kinux inklużi f’din il-lista li fassal il-Gvern.

Imbgħad, hemm prodotti oħra li se jibqgħu bl-istess prezz: iż-żejt taż-żebbuġa mhux se jorhos, iz-zalzett u ċ-chicken breast mhux inklużi fil-lista, iċ-ċerejali mhux se jorħsu, u l-ħelu ma jissemma’ mkien.

Lanqas is-soft drinks mhux inklużi. Frott u ħaxix frisk mhux imsemmi lanqas. Ir-ross ukoll mhux se jorħos. Bottijiet tal-preserved mhux se jorħsu. L-ikel tal-annimali mhux se jorħos. Apparti minn hekk, hemm id-detergents, nappies, toileteries, u oġġetti għall-kura personali – kollha mhux se jorħsu. Wara li l-Gvern ħabbar din l-iskema, diversi ekonomisti stqarrew ma’ Net News illi l-pjan tal-Gver hu li jkun hemm roħs ta’ 15% fuq il-prezz rakkomandat. U allura, jekk supermarkets kbar diġà għandhom prezz ridott… allura l-bidla fil-prezz se tkun vera minima.