Lokali Qorti

Rumen jinżamm arrestat wara sejba ta’ 15-il kilo droga

Rumen ta’ 37 sena ġie mixli li aktar kmieni din il-ġimgħa kellu fil-pussess tiegħu 15-il kilo droga kokaina li għandna valur fis-suq ta’ madwar €2 miljuni.

Fil-Qorti ntqal li l-akkużat ġie arrestat mill-Pulizija matul il-jum tas-Sibt malli wasal Malta bil-katamaran minn Sqallija.

Il-Prosekuzzjoni qalet li d-droga li nstabet tindika li ma kinitx għall-użu personali tal-akkużat iżda kienet għandu bil-għan li tinbiegħ fis-suq lokali. Ġie spejgat ukoll li d-droga nstabet wara tfittxija li saret fil-karozza tar-Rumen.

Ir-Rumen jinsab akkużat li importa d-droga f’pajjiżna kif ukoll li assoċja ruħu ma’ persuni bil-għan li jittraffika d-droga bir-Rumen qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u allura l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace żammitu arrestat.