Lokali

Ta’ Kastilja għamlu minn kollox biex warrbu u qatgħu qalb Cyrus Engerer

Wara li falla l-pjan ‘Justyne Caruana’ mill-ewwel daru fuq Claudette Abela Baldacchino li diġà bdiet tgħaqqad it-tim tagħha.

Cyrus Engerer, gradwat fil-politika u fil-Liġi tal-Unjoni Ewropea u Eks Konsulent tal-Eks Joseph Muscat fl-istituzzjonijiet Ewropej u li kien inkarigat mir-relazzjonijiet tal-Gvern Malti mal-Parlament Ewropew ma jidhirx li se jkun fil-lista tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju li ġej.

Ta’ Kastilja għamlulu minn kollox biex juruh li mhux welcome f’din il-lista tant li l-line up – prattikament kompletata – tinkludi seba’ kandidati bil-kunjom qabel ‘Engerer’. Ta’ Kastilja riedu jagħmluha ċara li anki jekk itellaq, Cyrus Engerer jibqa’ l-art.

Għalhekk qablu Abela Baldacchino, Agius, Agius Saliba, Azzopardi, Attard, Bonello u Ellul! F’din il-lista mbagħad ikun jonqos biss il-kunjom Vella Gafà li jiġi l-aħħar fil-lista imma għal Ta’ Kastilja din il-kandidatura ma tagħmel l-ebda differenza.

L-aħħar isem fil-lista tal-Partit Laburista – li sa meta qiegħed nikteb dan ir-rapport kienet għadha ma tħabbritx b’mod uffiċjali – hu dak ta’ Claudette Abela Baldacchino, Eks Ewroparlamentari f’isem il-Partit Laburista.

Claudette Abela Baldacchino spiċċat fuq il-lista tal-Partit Labuista wara li l-pjan ‘Justyne Caruana’ sfaxxa u spiċċa l-baħar bil-Partit Laburista kostrett jaċċetta li ma jkollux kandidatura Għawdxija…

turija wkoll ta’ kemm Għawdex mhux importanti għall-pjani tal-Partit Laburista.

Justyne Caruana, ta’ stuża li hi, fehmet mill-ewwel il-logħba ta’ Robert Abela li jipprova jerġa’ jużaha u jarmiha. Għamlet il-kontijiet tagħha dwar x’ċansijiet kellha li tagħmilha għall-Parlament Ewropew u fehmet li ta’ Kastilja qegħdin jimbottaw lil Steve Ellul, ta’ Joseph Muscat qegħdin jimbottaw lil Alex Agius Saliba u lil Clint Flores… u allura ċ-ċansijiet tagħhom kienu tassew minimi. U allura għalfejn għandha terġa’ tispiċċa fl-arena politika b’għajnejh kulħadd fuqha!

Kien għalhekk li ta’ Kastilja, biex jikkompletaw il-kwadru tat-tmien kandidati, tefgħu għajnejhom fuq Claudette Abela Baldacchino li aċċettat u mill-ewwel bdiet tfittex lil min se jgħinha f’din il-kampanja.

Insomma kollox moħbi biex Cyrus Engerer jitwarrab bil-pulit mill-isfera ‘Labour’ fejn la hu fdat mill-kandidati u mill-partitarji u wisq u wisq inqas xi ħadd f’Kastilja jagħti kasu.

Iġibu u jagħti kasu Randolph De Battista li jokkupa l-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Partit Laburista li kif żvelajna l-Ħadd li għadda qabżitlu sew f’laqgħa interna u qal li t-Tmexxija ma kenitx qegħda timxi b’mod ġust fit-tiswir ta’ din il-kampanja elettorali u jekk l-affarijiet ma kenux se jitranġaw… allura kien lest li jwarrab u jirriżenja minn kollox.

Theddida li saret fil-jiem ta’ qabel il-Milied li għadda u li tagħha ħa nota Robert Abela li anqas biss ikkonsidrah meta sawwar ir-reshuffle tiegħu… anzi issa hu sigriet magħruf li jinsab f’kaċċa għal min se jkun qed jieħu post Randolph De Battista… u diġà bdiet tisemma’ persuna partikulari!

Ma ninsewx li wara din l-għaġna kollha dejjem hemm missier Robert Abela li minn wara l-kwinti jippilota hu dak kollu li jkun qiegħed isir… sitwazzjoni li ddarras tassew lill-Ewroparlamentari u Eks Mexxej Laburista Alfred Sant li beżaq fis-sunnara u mhux se jkun qiegħed jikkontesta l-elezzjoni ta’ Ġunju. Anki jekk kien hemm min kien tal-parir li Alfred Sant jikkontesta u sussegwentement jirriżenja iżda tal-linja il-Partit Laburista jkun iggwadanja l-voti tal-Laburisti li ma jridux jivvutaw iżda b’rispett lejn l-Eks Leader kienu joħorġu jivvutaw.

Filwaqt li Alex Agius Saliba qiegħed jissokta għaddej bil-qawwa kollha jimbotta l-kandidatura tiegħu – anki mbottat minn Joseph Muscat – dan il-fatt qiegħed jinkwieta wkoll lil ta’ Kastilja għaliex kemm-il darba l-istess Alex Agius Saliba, baħbuħ, imur tajjeb ħafna

f’isem il-Partit Laburista, iżda l-Partit fuq livell ġenerali ma jmurx tajjeb u jnaqqas, allura jistgħu jfeġġu xenarji ġodda.

Qed nirriferu għall-fatt li jekk Robert Abela ma jirbaħx dawn l-elezzjonijiet u jnaqqas mis-siġġijiet fil-Parlament Ewropew u jitlef Kunsill Lokali importanti, allura xi jżomm lil Alex Agius Saliba milli jikkontestah! Żgur li ta’ Joseph Muscat ikollhom rashom aktar mistrieħa u trankwilla bih.

Żewġ kandidati oħra Laburisti mqabbdin direttament f’xulxin huma Clint Azzopardi Flores u Steve Ellul li fil-jumejn li għaddew nedhew il-kampanja tagħhom f’Raħal Ġdid u fiż-Żejtun rispettivament nhar il-Ġimgħa u lbieraħ! Finalment għaddiet ta’ Clint Azzopardi Flores u Steve Ellul tneħħa minn Project Green fejn kien ingħata s-somma ta’ €700 miljun biex isebbaħ Malta… ċifra li issa għaddiet għand Joseph Cuschieri li hu segwit minn diversi isqra jistennewh jagħmel l-ewwel falza stikka!

Imbagħad hemm il-kandidati l-oħra – Marise Elise Agius, Daniel Attard, Jesmond Bonello u Marija Sara Vella Gafà li qegħdin hemm biss għan-numru!

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu issa feġġ isem Joseph Muscat li diġà hu Eks Ewroparlamentari. Naturalment isem Joseph Muscat hu marbut ma’ ħafna dellijiet koroh dwar allegazzjonijiet serji. Interessanti ħafna x’se jkun qiegħed jiġri fil-jiem li ġejjin għaliex fuq il-platt tiegħu Robert Abela issa għandu sitwazzjoni xejn faċli.