Lokali

X’jaf Robert Abela dwar Aaron Farrugia biex ittajjar minn Ministru?

Konna, prattikament il-midja kollha mhux maħtufa mill-Gvern ta’ Robert Abela, ilna qatigħ nitolbu u nagħmlu pressjoni biex Aaron Farrugia jitneħħa minn Ministru f’dan il-Kabinett. Għaliex inkompetenti. Għaliex m’għandu l-ebda arti u ħila biex iwettaq inizjattivi ta’ ċertu kalibru u livell. Għaliex baqa’ ma kibirx. Saħansitra anki fil-Kabinett tal-Ministri kien hemm min isejjaħlu “mummy’s boy”!

Iżda fir-reshuffle tal-bidu ta’ dan ix-xahar, isem Aaron Farrugia mit-tim il-ġdid sparixxa. Għeb. Naturalment mhux b’kumbinazzjoni. Mhux b’kumbinazzjoni li isem Aaron Farrugia għeb, iżda isem Clayton Bartolo baqa’. Isem Roderick Galdes baqa’. Isem Anton Refalo baqa’.

Dan ifisser li Aaron Farrugia ttajjar mill-Kabinett tal-Ministri għaliex Robert Abela għandu informazzjoni b’saħħitha biżżejjed li wasslitu biex itajru minn dan irwol li kellu. Bħal fil-każ tal-Eks Ministru Carmelo Abela mgħobbi b’dellijiet tqal ħafna ‘HSBC’. Bħal fil-każ tal-Eks Segretarju Parlamentari Alex Muscat mgħobbi b’dellijiet tqal ħafna ‘Identity Malta’.

Għalkemm bl-istess argument wieħed ma jifhimx kif baqa’ jżomm lill-Ministru Anton Refalo fil-Kabinett meta dan mgħobbi b’dellijiet tqal ħafna mhux biss ‘tal-famuża ġebla storika” imma anki dwar affarijiet oħra! Imma Robert Abela fir-reshuffle tal-bidu tax-xahar iddeċieda li jimxi b’riga differenti… ma’ Carmelo Abela u Alex Muscat uża riga mod, iżda ma’ Anton Refalo uża riga differenti… wisq probabbli li Anton Refalo wrieh li jaf wisq dwaru (dwar Robert Abela)!

Imma l-iskop ta’ din il-ktiba llum hu li Robert Abela jkun trasparenti u jgħid fil-pubbliku x’inhi r-raġuni li lil Aaron Farrugia tajru minn Ministru. Naturalment hi l-prerogattiva tal-Prim Ministru li jagħżel hu ma’ min jaħdem u ma’ min ma jaħdimx; ma’ min iżomm fil-Kabinett madwaru u ma’ min ma jżommx il-laqgħat tat-Tlieta filgħodu.

Nifhem li Aaron Farrugia jaf ben tajjeb għaliex ittajjar mill-Kabinett tal-Ministri. Għalhekk il-body language tiegħu wara; meta mistoqsi mill-ġurnalisti kif ħadha! X’għamel ħażin Aaron Farrugia biex sparixxa mill-Kabinett… żgur mhux it-tgħaffiġa tat-Triq tal-Għadira! Żgur li ma kienx kapaċi jikkontrolla lil Ivan Falzon ta’ Infrastructure Malta u lil Jonathan Borg ta’ Transport Malta!

Forsi xi kuntrattur partikulari avviċina lil Robert Abela u għaddielu xi informazzjoni sensittiva ħafna li seħħet ftit jiem qabel il-Milied! U għaddielu wkoll ċertu provi!

Għalissa ejjew nieqfu hawn… iżda din l-istorja qegħda tkompli tinħema. Għaliex l-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu… u din hi soċjetà żgħira tassew.