Dillon Cassar u Joelle Cortis rebħu l-Kampjonat Nazzjonali tal-10km organizzat minn Athletics Malta, b’rebħa konvinċenti f’tellieqa ddominata mill-bidu sal-aħħar f’rotta ċertifikata riċentement f’Ta’ Qali.
B’din ir-rebħa, Cassar żamm dan it-titlu għat-tielet sena konsekuttiva, bl-atleta ta’ Mellieħa AC jwaqqaf l-arloġġ f’30 minuta u 47 sekonda, quddiem żewġ atleti ta’ Evolve, Gabriel Farrugia b’31:23 u Shaun Galea b’ 31:27.
Joelle Cortis għaqqdet doppjetta memorabbli għall-atleti tal-Mellieħa hekk kif kisbet it-titlu femminili fuq l-10km f’ħin tajjeb ta’ 37:11, quddiem Roberta Schembri (Evolve – 38:04) u Maria Cumbo (Mellieħa AC – 39:20).
Peress li din it-tellieqa, barra l-Kampjonat tal-10km serviet ukoll bħala t-tieni avveniment minn tlieta fir-Road Running Series, din it-tieni rebħa konsekuttiva poġġiet lil Cortis f’pożizzjoni tajba li tikseb dan it-titlu wkoll meta fadal biss tellieqa waħda.
Storja differenti fost l-irġiel fejn ir-rebħa ta’ Cassar, u fl-istess ħin it-tielet post ta’ Galea – li kien rebaħ l-ewwel tellieqa – fetħet is-Serje beraħ, b’tal-ewwel se jibda l-aħħar tellieqa b’vantaġġ minimu.
Fost il-klabbs, it-taqtiegħa tibqa’ waħda ferm missielta u kollox għad jista’ jiġri, hekk kif Evolve Endurance Club iżommu vantaġġ fuq Mellieħa AC u La Salle fil-kategoriji tan-nisa u tal-irġiel, biex b’hekk it-titlu se jkun deċiż proprju fl-aħħar tellieqa.
//= $special ?>