“Robert Abela għandu jiskuża ruħu mal-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ pajjiżna”
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bl-iktar mod kategoriku l-kummenti irresponsabbli u perikolużi li l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jagħmel b’mod kontinwu fil-konfront tal-ġudikatura.
Hekk sostna x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina, hekk kif insista li l-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela jiskuża ruħu pubblikament għall-imġiba tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista pubblikament isellem u jirringrazzja lill-Imħallfin u lill-Maġistrati kollha li qegħdin jaqdu d-dmirjiet tagħhom fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja sħiħa fl-Imħallfin u l-Maġistrati kollha ta’ pajjiżna li għandhom id-dehen, l-għerf u l-kuraġġ meħtieġa biex jaqdu d-doveri tagħhom skont il-liġi, mingħajr biża’ jew favur.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jagħmel kuraġġ lill-Imħallfin u lill-Maġistrati biex jibqgħu f’kull ċirkostanza jaqdu d-doveri tagħhom u ma jċedu qatt għall-pressjoni inġusta u abbużiva li qiegħed jagħmel Robert Abela.
Għall-Partit Nazzjonalista l-Qrati ta’ pajjiżna huma l-aħħar bastjun tad-demokrazija biex jiġi żgurat li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġi mħarrsa u sabiex il-Gvern u dawk fdati bit-tmexxija ta’ pajjiżna jinżammu responsabbli għall-abbużi ta’ poter u eċċessi li jkun wettqu.
//= $special ?>