Xalata minn Ħamrun Spartans hekk kif huma ġabu fix-xejn lil Balzan b’rebħa bl-iskor ta’ 7-1. Kienet logħba li rat lil Balzan jiftħu tajjeb fejn marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita, iżda l-Ispartans skurjaw żewġ gowls f’temp ta’ ħames minuti biex dawru l-partita favurihom. Determinanti kien il-gowl li skurjaw fl-ewwel sekondi tat-tieni taqsima biex huma komplew jiskurjaw f’intervalli regolari. Luke Montebello kellu ġurnata mill-aqwa fejn sab ix-xibka xejn anqas minn erba’ darbiet, tnejn minnhom mill-ħdax-il metru. B’din ir-rebħa l-Ispartans żammew il-vantaġġ ta’ tlett punti fuq Floriana fil-quċċata tal-klassifika, minkejja li hemm il-każ Rutjens pendenti. Balzan, li kellhom lil Jan Busuttil jiddebutta magħhom wara t-trasferiment minn ma’ Floriana, ikkollassaw f’daqqa meta għall-bidu l-affarijiet bdew jidhru aktar pożittivi.
Floriana rritornaw għar-rebħ, dan wara li huma għelbu lil tim li kien għaddej minn forma tajba Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-0. Il-Greens kienu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi u ma’ kienux jifilħu li jagħmlu xi pass falz ieħor wara dawk kontra Ħamrun Spartans u Gżira United. B’hekk tkompli l-isfida għar-rebħ tal-kampjonat bejn dawn iż-żewġ timijiet, protagonisti ewlenin dan l-istaġun. Ir-rebħa kienet waħda meritata għal Floriana fejn nazzarda ngħid li setgħet kienet akbar ukoll li kieku ħadu ċ-ċansijiet kollha. Għal Santa Lucia twaqqaf xi ftit ir-ritmu li kienu għaddejjin bih fejn inqalgħu minn qiegħ il-klassifika u minkejja li baqgħu xorta waħda fiż-żona relegazzjoni iżda b’differenza peress li qed jissieltu ma’ timijiet oħra.
F’logħba deludenti bejn żewġ timijiet li jinsabu fuq ix-xaqliba t-tajba tal-klassifika, ebda gowl hekk kif Sliema Wanderers u Birkirkara ftit li xejn impressjonaw. Riżultat li ma’ bidel xejn fil-klassifika bi Sliema jibqgħu fit-tielet post, tliet punti taħt Floriana filwaqt li Birkirkara issa jaqsmu l-ħames post ma’ Hibernians u Naxxar. ll-plejer mill-Ghana Edward Sarpong iddebutta għall-Istripes filwaqt li l-akkwist l-ieħor Andrea Zammit ironikament kien qed jilgħab kontra t-tim immexxi minn missieru Paul. Nieqes għall-Wanderers l-attakkant prolifiku tagħhom Vito Plut li weġġa’ fl-aħħar partita tal-Blues. Wara li fl-ewwel round kienu l-Istripes li rebħu b’gowl uniku, f’din il-logħba deher evidenti n-nuqqas ta’ kreattività miż-żewġ naħat biex finalment ħadu punt kull wieħed.
Gowl skurjat fl-aħħar mumenti minn Lucas Caruana ta rebħa drammatika lil Hibernians kontra Gżira United biex b’hekk komplew jittamaw li tal-anqas jiksbu post fl-Ewropa. Kienet logħba bilanċjata u kumbattuta fejn kienu l-Maroons li fetħu l-iskor fejn minkejja l-pożizzjoni tagħhom u l-bdil riċenti li kellhom taw sfida denja lill-Pawlisti. Din kienet it-tieni logħba għal Gżira United taħt it-tmexxija tal-kowċ Andrew Cohen, li matul il-ġimgħa li għaddiet ingħata kuntratt permanenti magħhom. Inċidentalment Cohen kien qed jaffaċċja lill-eks tim tiegħu li magħhom lagħab prattikament il-maġġoranza tal-karriera tiegħu. Jekk għal Hibernians dawn il-punti komplew ituhom spinta għall-Ewropa, Gżira baqgħu f’pożizzjoni prekarja fin-naħa t’isfel tal-klassifika li issa tinsab aktar komplessa.
Valletta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva, dan wara li kif kien mistenni huma għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 3-0. B’hekk il-Beltin komplew jersqu aktar lejn nofs il-klassifika filwaqt li t-tim minn San Pawl il-Baħar baqa’ jokkupa l-aħħar post b’6 punti biss. Valletta kienu ġejjin minn rebħa kontra Gudja United filwaqt li Sirens kienu ġejjin minn telfa kontra Sliema. Din kienet rebħa meritata għal Valletta fejn wara li marru fil-vantaġġ b’gowl f’nofs l-ewwel taqsima, żiedu tnejn oħra fit-tieni 45 minuta biex kisbu rebħa konvinċenti. Dawn iż-żewġ rebħiet mit-tim Belti jidher li bidlu ftit il-burdata negattiva li kienet qed taħkem lil dan il-klabb glorjuż. Ovvjament li rridu naraw issa huwa meta l-avversarji ser ikun aktar b’saħħithom. Dwar Sirens ftit hemm xi tgħid ħlief li d-destinazzjoni tidher li hija diffiċli biex tinbidel.
Draw bejn Naxxar Lions u Marsaxlokk, fi dwell bejn żewġ timijiet li huma revelazzjoni tal-istaġun. Forsi punt li aktar jissodisfa lin-Naxxarin li l-intenzjonijiet tagħhom huma dawk li jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier. Mill-banda l-oħra minn kif ġew l-affarijiet Marsaxlokk jinsabu biċ-ċans li jiksbu post fl-Ewropa, iżda naqsu li javvanzaw ftit punti fuq Sliema Wanderers li jinsabu fit-tielet post biex kollox baqa’ l-istess peress li t-tnejn li huma spiċċaw il-logħba tagħhom fi draw. Kienet logħba li forsi l-aktar tim li resaq viċin li jirbaħ kien bla dubju dak ta’ Marsaxlokk li kellu l-aħjar ċansijiet iżda sabu lill-gowlkeeper avversarju Matthias Debono fl-aqwa forma.
Ftit tan-nifs għal Mosta li kisbu rebħa minima bl-iskor ta’ 1-0 kontra Gudja United. Kienet logħba li t-tnejn li huma riedu rebħa li iżda marret għand Mosta bil-gowl jasal mill-plejer Arman Hovhannisyan wara li ħa r-rebound ta’ penalty mogħti minn Brincat. B’hekk tlett punti għal Mosta fejn din kienet it-tielet rebħa tagħhom tal-istaġun. Biha nqalgħu wkoll miż-zona relegazzjoni minkejja li jinsabu punt biss fuq Gżira United u tlieta fuq Santa Lucia. Gudja United jibqgħu f’inkwiet kbir ta’ relegazzjoni fejn jibqgħu l-uniku tim mingħajr rebħa wara 14-il partita u jaqsmu qiegħ il-klassifika flimkien ma’ Sirens.
INNUTAJNA
LI l-attakkant ta’ Ħamrun Spartans Luke Montebello jinsab fl-ewwel post tal-klassifika bi 13-il gowl, kważi medja ta’ gowl kull partita. Nhar is-Sibt huwa skorja erba’ gowls li kien l-ewwel poker tal-karriera.
LI hekk kif din il-ġimgħa għandu jinstema l-protest dwar il-każ Rutjens, għal logħba li Ħamrun Spartans kellhom kontra Balzan il-plejer Olandiż ma’ kienx inkluż fl-iskwadra.
LI din il-ġimgħa jagħlaq is-suq ta’ trasferimenti f’Jannar. Xahar li forsi kien xi ftit kwiet ħdejn is-soltu minkejja li kien hemm movimenti wkoll. Forsi l-aktar trasferiment li għamel ħoss kien il-bdil bejn Jan Busuttil u Jake Grech.
//= $special ?>