Lokali

Iffirmat ftehim bejn Din l-Art Ħelwa u RIDT sabiex titwaqqaf kollaborazzjoni u jinġabru fondi għal diversi proġetti ambjentali

Aktar kmieni llum ġie ffirmat ftehim bejn Din l-Art Ħelwa u Research, Innovation and Development Trust tal-Università ta’ Malta (RIDT) sabiex titwaqqaf kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet u jinġabru fondi għal diversi proġetti ambjentali li jkunu jinvolvu dipartimenti differenti mill-Università ta’ Malta.

Fost id-dipartimenti involuti fi proġetti bħal dawn hemm id-Dipartiment tal-Wirt u Konservazzjoni u d-Dipartiment tal-Arkeoloġija. Madankollu, l-MOU mhuwiex esklussiv għal dawn id-dipartimenti u jista’ jinvolvi kollaborazzjonijiet oħra, dejjem skont il-ħtiġijiet tal-proġetti.

Matul l-aħħar snin, iż-żewġ entitajiet irnexxielhom jiġbru fondi għal diversi proġetti. Filfatt l-ngo Din l-Art Ħelwa, li twaqqfet fl-1965, irrestawrat u mexxiet bosta siti kulturali ta’ importanza storika u ambjentali.

L-RIDT, imwaqqfa fl-2011, iffinanzjat diversi proġetti ta’ riċerka fl-oqsma kollha ta’ studju fi ħdan l-Università ta’ Malta. B’din il-kollaborazzjoni, iż-żewġ entitajiet se jingħaqdu biex jiffinanzjaw proġetti ta’ interess reċiproku.

Il-Memorandum ta’ Ftehim se jkopri perjodu ta’ ħames snin.