Ewropa Lokali

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tipparteċipa f’summit f’Ruma

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rreferiet għal Malta bħala eżempju ta’ kif pajjiż jista’ joħroġ mill-kolonjaliżmu u jirnexxi. Hija qalet dan waqt li kienet qed tindirizza s-Sessjoni Plenarja tas-Summit ItaliAfrica f’Ruma.

Il-President Metsola saħqet li l-Afrika għandha dak kollu li teħtieġ biex tilħaq il-potenzjal tagħha u saħqet li l-Ewropa tista’ tkun spalla ma spalla.

Il-President Metsola qalet li meta l-Afrika tirnexxi, l-Ewropa tirnexxi, flimkien mal-bqija tad-dinja, u enfasizzat li nistgħu nimxu ‘l quddiem flimkien.

Il-President tal-Parlament Ewropew irreferiet għas-settur tal-enerġija, u qalet li huwa kontinent b’kapaċitajiet uniċi f’dan il-qasam. “Nistgħu nikbru flimkien, b’mod sostenibbli – mhux għad-detriment ta’ xulxin,” saħqet l-MEP tal-Partit Nazzjonalista.

Is-Summit ItaliAfrica huwa inizjattiva tal-gvern Taljan bil-għan li jippreżenta l-Pjan Mattei, li l-Italja beħsiebha timplimenta flimkien mal-Mexxejja tal-Istati Afrikani. Il-Pjan jipproponi mudell ta’ kooperazzjoni u żvilupp li jpoġġi lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi Afrikani fuq l-istess livell. Jimmira ukoll li jiġu mnedija mill-ġdid ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ kontinenti taħt it-temi tat-tkabbir inklużiv, it-tisħiħ tal-paċi u l-istabbiltà, it-tranżizzjonijiet diġitali u tal-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.