Lokali

“Joseph Muscat m’għadux postu fil-politika” – Saviour Balzan

Ħafna emmnu fih, jien l-ewwel wieħed. Dak li seħħ, madanakollu, fisser il-qerda totali tas-soċjaliżmu – il-kilba għar-rgħiba u l-poter fl-isfond ta’ aġir allegatament kriminali.

Hekk iddeskriva Saviour Balzan, fundatur tal-gazzetta MaltaToday, il-ftit aktar minn 6 snin li Joseph Muscat għamel fit-tmun tal-pajjiż….fejn insista li ċertament li post Muscat żgur m’għadux fil-politika jew saħansitra fil-Partit Laburista.

Balzan fakkar lill-istess Joseph Muscat li jekk jerġa’ jidħol fil-politika se jitlef nofs miljun ewro f’konsulenzi ….iżda konxju wkoll li ritorn tiegħu fil-politika taf tgħinu fil-proċess tal-Qorti – proċess li qed iħabbat wiċċu miegħu bħalissa.

Saviour Balzan fakkar għalxiex Joseph Muscat kellu jirriżenja minn Prim Ministru u Mexxej tal-Labour. U fost lista twila hemm l-attitudni tiegħu fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi – il-fatt li kienu fetħu kumpaniji fil-Panama, id-deals mas-Socar u l-Electrogas, id-deal ta’ Vitals u kuntratti governattivi oħrajn. Ir-relazzjoni li kellu man-negozjant Yorgen Fenech…l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Filwaqt li f’din il-kitba kien kritiku wkoll għall-PN, Saviour Balzan xorta kien aħrax fl-analiżi tiegħu ta’ Joseph Muscat. U fakkar li l-eks Prim Ministru ħeġġeġ in-narrattiva li l-ġurnalista investigattiva nqatlet mill-kuntrabandisti taż-żejt – meta hu kien jaf b’ċertezza li mhux veru.

Balzan, m’għandu ebda dubju li Joseph Muscat kellu jirriżenja iżda issa ir-ritorn tiegħu fix-xena fetaħ bieb perikoluż; bieb li ċertament idgħajjef il-kredibbiltà ta’ Robert Abela.

U ladarba Muscat verament jikkandida għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ikun sinjal ċar li l-amministrazzjoni ta’ Abela tkun falliet.