Lokali

L-aġir ta’ Robert Abela deskritt bħala “periklu għad-demokrazija”

“L-interess ta’ Robert Abela mhuwiex il-poplu Malti u Għawdxi iżda li jiddefendi lil Joseph Muscat u l-klikka tiegħu. L-aġir ta’ Robert Abela huwa perikoluż għad-demokrazija.”

Dan sostnieh il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aqulina waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu quddiem Kastilja…wara li matul il-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru Robert Abela infexx jattakk lill-ġudikatura – aġir li ġie deskritt minn bosta bħala wieħed perikoluż ħafna.

Robert Aquilina qal li l-poplu jinsab ixxukkjat u irrabjat bl-aġir ta’ Robert Abela għaliex jidher biċ-ċar li għalih l-interessi ta’ Joseph Muscat jiġu l-ewwel u qabel kollox. Il-President ta’ Repubblika fakkar li huma għal bosta drabi appellaw sabiex Robert Abela jkeċċi lil Joseph Muscat mill-Partit Laburista; iżda din id-deċiżjoni baqa’ ma’ ħadha qatt.

Apparti minn hekk, Robert Aquilina qal ukoll li l-aġir ta’ Abela huwa anti-demokratiku u irresponsabbli. Dan filwaqt li d-dikjarazzjoni li għamel fuq l-Inkjesta Maġisterjali dwar l-isptarijiet tindika li b’xi mod jew ieħor hu u Muscat akkwistaw tagħrif dwar l-Inkjesta li mhux suppost qiegħed f’idejhom.

Robert Aqulina saħaq li dak li fadal mid-demokrazija jinsab f’periklu, u għalhekk appella lill-poplu sabiex b’determinazzjoni jingħaqad u jirreżisti dan l-attakk fuq pajjiżna u fuq id-demokrazija.

Dan għaliex huwa evidenti aktar minn qatt qabel li Robert Abela mhux denju jkun Prim Ministru ta’ Malta.