Lokali

“L-edukaturi f’pajjiżna jeħtieġ li jkollhom kundizzjonijiet aktar xierqa” – PN

Titjib fis-salarji tal-edukaturi se jkun qed iwassal għal aktar investiment fil-professjoni u f’uliedna

Ma jistax ikun li f’pajjiżna hemm min qed ikollu jirrikorri għal sitwazzjonijiet fejn l-istudenti jsibu ruħhom f’diffikultà u fi stress kontinwu. Hemm bżonn nassiguraw li jkollna strutturi fissi biex dan id-dewmien ma jerġax jirrepeti ruħu u li dawn l-istrutturi jkollhom ir-riżorsi meħtieġa.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri u mix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo, fejn kienet rikonoxxuta wkoll il-ħidma sfieqa tal-MCAST, li joffri opportunitajiet ġodda lill-istudenti tagħna.

Ix-Shadow Ministers qalu li l-Partit Nazzjonalista ilu jtenni l-ħtieġa li l-edukaturi jingħataw ir-rispett bil-fatti u mhux bil-kliem biss għax dawn għandu jkollhom il-kundizzjonijiet xierqa li jelevaw il-professjoni tagħhom. Madankollu, hi ħasra li s-sitwazzjoni kellha tiggrava kif iggravat fl-aħħar ġimgħat minħabba li l-Gvern baqa’ ma għamel xejn dwar il-ftehim kollettiv, li baqa’ ma ġiex iffinalizzat

Huma spjegaw kif il-Gvern għandu fi ħdanu l-Industrial Relations Unit, li jinnegozja l-ftehim kollettivi f’isem il-Gvern, iżda li llum għandu biss żewġ ħaddiema, li żgur ma jistgħux jagħmlu mirakli. Għaldaqstant, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li dan il-unit jissaħħaħ bir-riżorsi meħtieġa ħalli ma naslux f’sitwazzjoni fejn sitwazzjonijiet jittawlu bla bżonn u risposti ma jingħatawx.

Ix-Shadow Ministers qalu li meta dan il-unit jissaħħaħ, ikun ifisser ma nerġgħux nispiċċaw, kif rajna fl-aħħar ġimgħat, fejn union ikollha tirrikorri għal tilwim industrijali għax tibqa’ mingħajr risposta jew progress fin-negozjati. Sfortunatament, din is-sitwazzjoni diġà rajniha wkoll mal-infermieri u l-qwiebel, kif ukoll mal-Pulizija u l-Probations Officers, fost stress u instabbiltà enormi minħabba li jispiċċaw ibatu setturi differenti tal-pubbliku.

Huma tennew li dan in-nuqqas ta’ riżorsi għandu jkun indirizzat mill-aktar fis biex ikun hemm relazzjonijiet industrijali tajbin u b’saħħithom ħalli n-nies ma jkollhomx għalfejn ibatu bla bżonn.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li jitjiebu b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fuq il-livelli kollha, bl-għan li jkunu inċentivati aktar professjonisti biex jidħlu għal dan l-impenn kruċjali għall-futur tat-tfal tagħna. Dan isir b’titjib sostanzjali fis-salarji, miżuri li jtejbu l-bilanċ bejn il-familja u l-professjoni, kif ukoll inċentivi li jappoġġjaw it-taħriġ professjonali kontinwu.

Il-Partit Nazzjonalista jara li tingħata l-ispinta meħtieġa biex jinħoloq ambjent li fih ikun assigurat li l-edukaturi jitħallew jedukaw u mhux jinħlew jagħmlu xogħol burokratiku anċillari li jista’ jsir minn persuni oħrajn. Irid ukoll li jiddaħħal qafas li bih ikunu jistgħu jkunu ingaġġati aktar LSEs, b’kundizzjonijiet aħjar, filwaqt li jingħataw aktar taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jagħtu appoġġ aktar iffukat lill-istudenti tagħhom.