Lokali Parlament

L-indifferenza, l-intolleranza u l-mibgħeda wasslu għall-ollokawst; periklu li għadu jeżisti

Il-parlament Malti jfakkar l-ollokawst


Beppe Fenech Adami, PN


Id-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami qal fil-parlament li kienu l-indifferenza tal-popli, l-intolleranza u l-mibgħeda wasslu għall-ollokawst fuq il-Lhud; liema periklu għadu jeżisti fil-politika anti-semitika ta’ diversi persuni.


Meta kien qed jitkellem fil-kommemorazzjoni parlamentari tal-ollokawst Beppe Fenech Adami tratta wkoll is-sitwazzjoni preżenti f’dan ir-rigward.


F’din il-kommemorazzjoni tkellmu wkoll l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg.


L-Ispeaker Anġlu Farrugia semma’ s-sitwazzjoni f’Gaza u qal li hawn individwi madwar id-dinja li qed jiġġieldu battalji ta’ persekuzzjoni. Hu semma’ wkoll id-diversi ġenoċidji li seħħu f’pajjiżi fid-dinja u qal li dawn wasslu biex fihom tkissru u tfakkru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Jeħtieġ proċess ta’ paċi fil-Lvnat Nofsani, sostna l-Ispaker, li enfażizza l-importanza li Malta tkompli ssemma’ leħinha favur il-paċi f’dan ir-reġjun.


Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami fakkar is-sitt miljun persuna ta’ twemmin Lhudi li nqatlu fl-ollokawst u qal li l-indifferenza tal-ġnus u tal-politiċi li dawru wiċċhom għal dak li kien qed iseħħ kienet waħda mir-raġunijiet li wasslu biex seħħ l-ollokawst. Hu sostna li l-intolleranza kienet raġuni oħra li wasslet għall-ollokawst u qal li fid-dinja tal-lum hawn ċirkostanzi li fihom hawn min ixerred twemmin politiku ta’ anti-senitiżmu.


Id-deputat Nazzjonalista qal li min għandu l-poter jiżbalja jekk jaħseb li l-periklu li wasslu għall-ollokawst qatt ma jista jerġa’ jsir. Ank f’Malta hawn min qed ixerred l-anti-senitiżmu u l-mibgħeda b’politika razzista; hawn nies li jiċħdu l-eżsitenza tal-ollokawst. Hu appella biex dawn in-nies jitwaqqfu milli jkomplu jxerrdu din l-idea li l-ollokawst ma seħħx.


Beppe Fenech Adami qal li l-ġimgħa li għaddiet kien hawn preżentatur ta’ programm li għax qed jirrifjuta li jistieden persuna razzista u li tiċħad li seħħ l-ollokawst, kien immultat propju għax ma stiednux għall-programm tiegħu. Dan hu l-periklu li għaddejja minnu d-dinja kollha; dinja li għandha tieqaf u tgħid li dak li hu ħażin, fil-fatt hu ħażin. Irid ikun assigurat li din l-aktar paġna kerha fl-istorja tal-bniedem ma terġa’ tiġri qatt, sostna Beppe Fenech Adami.