Internazzjonali

L-Iran: Jiċħad kull responsabbiltà għall-attakk qattiel fuq bażi militari tal-Istati Uniti

U.S. soldiers patrol the Taji base complex, which hosts Iraqi and U.S. troops north of the capital Baghdad. Taji is one of an eventual five sites where the U.S. and allied countries aim to train 5,000 Iraqi military personnel every six to eight weeks for combat against the so-called Islamic State.

L-Iran qed jiċħad kategorikament li kien involut f’attakk bid-drones li sewa l-ħajja ta’ almenu tliet suldati Amerikani — b’madwar 40 militar oħra jisfaw midruba b’riżultat tal-istess azzjoni.

L-attakk ikkonċentra fuq bażi militari tal-Istati Uniti fil-Ġordan, qrib il-fruntiera mas-Sirja. Dan ukoll meta l-President Amerikan, Joe Biden, qed jakkuża (għall-attakk) lill-gruppi tal-militanti bażati fl-Iraq u fis-Sirja u li qed jingħataw l-appoġġ mingħand l-Iran.

Intant, kollox qed jidher lest għal forma ta’ ritaljazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti, bil-President Biden jinsisti li pajjiżu għandu jaċċerta li l-elementi responsabbli għal din l-aggressjoni se jieħdu li ħaqqhom fiż-ħmien opportun.

Il-Gvern Amerikan għamilha ċara li mhux se jaċċetta azzjonijiet ostili ta’ dan it-tip fil-konfront tal-militar tiegħu stazzjonati fl-Iraq u bnadi oħra tal-Lvant Nofsani. Għaldaqstant, jidher li l-President Biden, issa, se jkollu dilemma dwar il-forma ta’ ritaljazzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi. Dan għaliex attakk dirett fuq l-Iran għandu jwassal għal eskalazzjoni enormi tal-kriżi fil-Lvant Nofsani u fi żmien meta l-gwerra bejn Iżrael u t-terroristi tal-Ħamas f’Gaza għadha intensiva daqs qatt qabel.

Min-naħa tiegħu, il-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin fisser l-akkużi tal-Amerikani bħala ‘mingħajr bażi’ filwaqt li stqarr li l-akkużi huma kollha parti minn allegat kumplott intiż biex l-Istati Uniti tidħol direttament fil-konflitt tal-Lvant Nofsani.

Din hi anki l-ewwel darba li nqatlu suldati Amerikani b’kaġun tal-attakki fil-Lvant Nofsani mindu l-Ħamas wettqu l-attakki terroristiċi storiċi tas-7 ta’ Ottubru fuq il-komunitajiet ta’ Iżrael viċin il-fruntiera ta’ Gaza.

Fl-aħħar żviluppi, il-grupp bl-isem Reżistenza Iżlamika assuma responsabbiltà għall-attakk fuq il-bażi tal-Amerikani fil-Ġordan. Din l-entità tikkonsisti minn diversi milizji affiljati mal-Iran u li ilhom żmien jikkonsolidaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-Iraq. Il-milizji, fl-aħħar ġimgħat, ukoll kienu ħadu responsabbiltà għal azzjonijiet oħra ostili kontra l-qawwiet Amerikani fl-Iraq.