Aktar pajjiżi qegħdin iwaqqfu l-finanzjament għall-akbar aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li qed tgħin lir-refuġjati Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza. Dan fost kriżi ta’ fiduċja wara li ħarġu allegazzjonijiet li wħud mill-istaff tal-UNRWA kienu involuti fil-massakri tas-7 ta’ Ottubru mit-terroristi tal-Ħamas f’Iżrael.
Fl-aħħar sigħat, il-Ġappun u l-Awstrija ingħaqdu mal-pajjiżi l-oħra li qed jissospendu l-fondi għall-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati Palestinjani. Dan meta l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Italja wkoll, fost pajjiżi oħra, għażlu li jżommu lura, għalissa, mill-għajnuna finanzjarja lill-UNRWA.
Sadanittant, il-kelliema għall-UNRWA qalu li din l-entità tinsab ‘ferm iddisprata’ peress li l-ħteġiet umanitarji f’Gaza qegħdin jiżdiedu minn siegħa għall-oħra, fost l-eqqel tal-konflitt bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-Ħamas.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, Antonio Guterres, qed jgħid li l-poplu ta’ Gaza mgħandux isofri għall-allegati azzjonijiet tal-‘ftit’. U waqt li Guterres esprima ‘orrur’ għall-akkużi kontra l-membri tal-UNRWA, hu, fl-istess ħin, appella biex l-Istati donaturi jiggarantixxu li l-aġenzija tkun tista’ tkompli l-ħidma fejjieda tagħha f’Gaza’.
Min-naħa tagħha, l-aġenzija UNRWA qed tgħid li jekk tibqa’ nieqsa mill-finanzi mhix se tkun f’pożizzjoni biex tkompli bil-ħidma tagħha mar-refuġjati ‘il hinn minn Frar.
//= $special ?>