Lokali Qorti

RTK 103 jieħu passi legali kontra l-Awtorità tax-Xandir

L-istazzjon tar-radju RTK 103 flimkien mal-preżentatur Andrew Azzopardi se jieħdu passi legali fil-konfront tal-Awtorita tax-Xandir dwar id-deċiżjoni li ngħatat fuq il-kummenti li saru dwar Norman Lowell.

Fi stqarrija, intqal li d-deċiżjoni tal-Awtorita ħolqot preċendent għall-media lokali – u ġiet deskritta bħala waħda illoġika.

Din is-sentenza ngħatat wara li Andrew Azzopardi ddeskriva lil Norman Lowell bħala razzist, filwaqt li qal li mhux se jistiednu fil-programm tiegħu – bl-istazzjoni tar-radju jiġi immultat €6,410.

Norman Lowell huwa l-istess persuna illi instab ħati diversi drabi b’mibgħeda razzjali kif ukoll li wieħed faċilment jista jara li Lowell tkellem b’mod razzist f’diskorsi tiegħu.

Fl-istqarrija, intqal li l-Broadcasting Authority ma kellha l-ebda raġuni sabiex tintervjeni qabel ma sar ilment minn Imperium Europa filwaqt li uriet tħassib kbir għall-fatt li s-segretarju fuq il-bord tal-BA kien Segretarju Ġenerali fl-Imperium Europa.

L-istazzjon flimkien ma’ Andrew Azzopardi qalu li ttieħdu passi legali sabiex jiddefendu żewġ prinċipji importanti ħafna; fosthom id-dritt ta’ kull persuna li ma tiġix ddiskriminata fuq bażi ta’ kulur tal-ġilda jew etniċità, kif ukoll id-dritt tal-liberta tal-espressjoni li huwa essenzjali għall-funzjoni tal-media f’pajjiżna.