Lokali

Umberto Tozzi u Anastacia b’kunċerti fil-Grounds ta’ Ħal Għaxaq

Tħabbru d-dettalji ta’ SummerLust Music Festival li għal sena oħra ħa jkun qiegħed jiftaħ staġun ta’ sajf kollu mużika gewwa pajjizna. Għaxaq Music Events ser ikunu qed iwasslu spettaklu mużikali mill-aqwa lill-pubbliku Malti nhar il-Ġimgħa 17 u s-Sibt 18 ta’ Mejju 2024. Dan kollu ser ikun qed isir f’ Għaxaq Grounds, propju fiċ-ċentru tar-raħal pittoresk ta’ Ħal Għaxaq

Il-festival bl-isem SummerLust ser ikun qed jippreżenta numru ta’ artisti bl-aqwa talent u fama internazzjonali. Fl-ewwel ġurnata, il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju, l-ispettaklu se jlaqqagħna ma’ wieħed mill-aqwa artisti fix-xena mużikali Taljana, Umberto Tozzi. Matul it-tour mużikali tiegħu, GLORIA FOREVER, ser jiġi ċċelebrat ir-repertorju inkredibbli ta’ artist li għamel l-istorja tal-mużika Taljana, biegħ aktar minn 80 miljun kopja u wera t-talent tiegħu madwar id-dinja kollha. Dan il-kunċert ser jieħu lill-udjenza fuq vjaġġ u jlaqqagħha ma’ wħud mis-suċċessi tiegħu bħal Gloria, li nebbħet l-isem tat-tour, u soundtracks ta’ films bħala huma Flashdance u The Wolf of Wall Street. Ma’ dawn jingħaqdu wkoll Tu, Ti Amo, Stella Stai, Gente di Mare u ħafna aktar. Il-biljetti għal dan il-kunċert spettakolari jistgħu jinxtraw minn https://www.showshappening.com/Ghaxaq-Music-Events/umberto-tozzi-summer-lust-2024-day1

L-għada, is-Sibt 18 ta’ Mejju, se jittella’ l-ikbar kunċert li qatt ttella’ f’Ħal Għaxaq bis-sehem tal-popstar Amerikana, Anastacia. Din l-artista b’fama mondjali, li biegħet aktar minn 50 miljun rekord, hija magħrufa mal-udjenzi tagħha għal diski bħalma huma I’m Outta Love,  Left Outside Alone, Sick and tired u One day in your life fost oħrajn. Il-biljetti għal dan il-kunċert li żgur ser jispikka f’dan l-istaġun jistgħu jinqatgħu minn https://www.showshappening.com/Ghaxaq-Music-Events/anastacia-summer-lust-2024-day2

Bħalma ġara fis-snin l-imgħoddija, l-organizzaturi ta’ dan il-festival jieħdu ħsieb li jaħsbu f’dawk li ma jistgħux igawdu festivals bħal dawn minħabba diversi nuqqasijiet u joffru għajnuna lil xi għaqdiet filantropiċi. Din is-sena, il-festival ser jittella’ b’risq Dar Bjorn. Tajjeb wieħed jirrikonoxxi li matul is-snin bl-għajnuna ta’ dawn il-kunċerti, inġabru aktar minn 50 elf ewro b’risq Dar Bjorn u d-Dar tal-Providenza.

Għal aktar informazzjoni u dettalji, wieħed għandu jżur il-paġna Għaxaq Music Events fuq is-sit soċjali Facebook. Dan il-festival qiegħed isir taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Malti għall-Arti u Festivals Malta.