Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, l-Archery Association of Malta organizzat b’suċċess in-National Indoor Chapionships fir-range tagħha f’Pembroke. Arċiera lokali kellhom prestazzjonijiet mill-aqwa bit-tama li jagħmluha mat-tim nazzjonali fejn rajna wkoll numru ta’ rekords ġodda nazzjonali kif ukoll fuq livell personali.
Sabiex ikkalifikaw għal dan l-avveniment, li kien immexxi mill-President tal-assoċjazzjoni John Schembri, il-parteċipanti kienu diġa’ ħadu sehem fir-round preliminari.
F’kategorija missielta ferm, dik Compound Men, Jeremy Bartolo spiċċa fil-quċċata filwaqt li għamel tliet rekord nazzjonali. Bartolo ssorprenda l-aktar fit-18m u l-25m b’punteġġi ta’ 581 u 575 punt rispettivament, għal total ta’ 1156 punt li ssupera r-rekord tiegħu stess ta’ 1130.
Karl Cutajar spiċċa warajh fit-tieni post b’total ta’ 1129 punt filwaqt li fit-tielet post temm Daniel Schembri b’total ta’ 1119-il punt.
Il-kategoria Women Compound rat rivalità kbira bejn Marianne Buttigieg u Maria Bugeja. Din tal-aħħar kienet viċin li tilħaq ir-rekord ta’ Buttigieg milħuq aktar kmieni fl-istaġun fejn fit-18m kisbet 557 punt. Fil-25m Buttigieg kisbet total ta’ 1091 punt filwaqt li Bugeja kisret żewġ rekords nazzjonali b’561 punt fil-25m u total ta’ 1118-il punt fiż-żewġ distanzi
Michelle Abela, figura ewlenija fil-kategorija tan-nisa recurve, kella wirjiet mill-aqwa. Minkejja bidu diffiċli b’540 punt fuq id-distanza ta’ 18-il metru, Abela reġgħet irkuprat fit-tieni jum b’rekord ta’ 568 punt fuq id-distanza ta’ 25m, u qabżet ir-rekord tagħha stess fl-2019 ta’ 562 punt. Abela waqqfet ukoll rekord ġdid għall-punteġġi fuq jumejn, b’total ta’ 1108 punt, li qabżet ir-rekord preċedenti tagħha b’punt.
Fl-avveniment tal-irġiel tal-Compound Masters, Brian Micallef kiseb l-ewwel post b’punteġġi ta’ 557 u 556 punt, b’total impressjonanti ta’ 1113-il punt. Kevin Bonnici kiseb l-ewwel pożizzjoni fl-avveniment tal-irġiel Recurve b’punteġġi ta’ 544 u 541 punt, b’total ta’ 1085 punt. Waqt li kien qed jikkompeti fil-kategorija Recurve ta’ taħt it-18-il sena, Jacob Buttigieg, minkejja li ffaċċja injury li waslitu biex kellu jirtira mill-kompetizzjoni, irnexxielu jikseb skor rispettabbli ta’ 329 punt fir-rawnds limitati li pparteċipa fihom.
Fi tmiem l-avveniment, fi stqarrija l-Archery Association of Malta qalet li tinsab kburija mmens li tara l-wirjiet u kisbiet notevoli ta’ dawn l-arċiera lokali waqt il-Kampjonati Nazzjonali Indoor 2024. Hija kompliet tfaħħar it-talent ta’ atleti bħal Jeremy Bartolo, Karl Cutajar, Daniel Schembri, Michelle Abela, Maria Bugeja, u oħrajn.
L-assoċċjazzjoni qalet ukoll li kulħadd jinsab eċitat biex jibdew il-kompetizzjonijiet outdoor, skedati li jibdew f’Marzu 2024, li jkunu determinanti biex l-arċiera jistgħu jkomplu jitjiebu u jagħmlu anke passi fix-xena internazzjonali.
//= $special ?>