Lokali

Il-Kamra tal-Avukati tgħid li hemm bżonn ta’ riforma u mhux attakki fuq il-Qrati

Hemm bżonn li ssir riforma fil-proċeduri tal-Qorti, li huma fl-aħħar mill-aħħar resposnabiltà tal-Prim Ministru – l-istess persuna li għamlet kummenti dwar il-ġudikatura, illi ġibdu lejhom kundanna minn kulħadd. Dan meta kulħadd jaf li jeħtieġ isiru bidliet urġenti sabiex is-sistema ġenerali li tirregola l-inkjesti tiġi mtejba.

Dan qalitu l-Kamra tal-Avukati b’referenza għall-kummenti li għadda l-Prim Ministru, meta fi tmiem il-ġimgħa ħareġ jattakka l-inkjesta li qed tinvestiga d-deal skandaluż u frawdolenti tal-Vitals. Bil-Prim Ministru kważi jimplika li l-Inkjesta taf tingħalaq apposta qrib id-data tal-elezzjoni tal-MEPs.

Dan il-kliem diġa’ ġibed il-kundanna tal-Għaqda Studenti tal-Liġi.

U issa, anke l-Kamra tal-Avukati qed tinsisti li m’għandux ikun hemm attakki personali  kontra l-ġudikatura sempliċiment għall-gwadann politiku.

Barra minn hekk, kompliet tgħid il-Kamra tal-Avukati, l-ġudikatura għandha rwol kruċjali sabiex issir ġustizzja ma’ kulħadd. U għalhekk, kull kritika għandha ssir b’rispett.

Il-Kamra tal-Avukati saħqet li huwa importanti ħafna li s-sistema tal-ġustizzja titħalla taħdem fil-libertà u b’mod seren sabiex b’hekk tkun tista’ twettaq id-dmirijiet tagħha kif suppost; hekk kif atmosfera xierqa u imparzjali hija essenzjali sabiex il-pubbliku jafda s-sistema legali.

Intant b’referenza għall-Inkjesta speċifika dwar il-kuntratt tal-isptarijiet, il-Kamra tal-Avukati qalet illi filwaqt li 4 snin u nofs huwa perjodu twil biżżejjed sabiex tintemm inkjesta wieħed irrid ukoll iżomm f’moħħu li l-Maġistrati qed jiżdidilhom ħafna ix-xogħol li jkollhom jieħdu ħsieb. U allura, anke dan il-perijodu irid jitpoġġa’ f’kuntest.