Filwaqt li l-Gvern għażel li jwarrab kompletament il-ħwienet iż-żgħar u medji u jieħu passi li jmorru kontra dak verament huwa meħtieġ għal pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista kompla b’sensiela ta’ laqgħat mal-imsieħba soċjali sabiex jassigura li ħadd ma jibqa’ lura.
It-Tlieta, fil-fatt, saret laqgħa mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech sema’ kif l-aħħar żviluppi dwar l-iskema tal-prezzijiet tal-ikel wasslu biex għamlu ferm aktar ħsara lill-ħwienet iż-żgħar fl-irħula tagħna.
Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu jipproponi diversi miżuri sabiex jgħin lill-ħaddiema, n-negozji u l-konsumaturi; iżda Robert Abela baqa’ jwebbes rasu b’riżultat li qed ibati l-poplu Malti u Għawdxi. Fost il-miżuri proposti hemm li ż-żieda tal-COLA ma tkunx intaxxata, li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, u li jiġu attirati xogħlijiet ta’ kwalità – li jħallsu aktar lill-ħaddiema.
Dan apparti li qed ikun propost li n-negozji jingħataw tax credits biex min iħaddem ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA… u li jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja.
Waqt il-laqgħa maċ-Chamber tal-SMEs, il-Kap tal-PN saħaq li jinsab inkwetat li minħabba nuqqasijiet ta’ Robert Abela se jispiċċa jbati kulħadd; kemm sidien ta’ ħwienet u anke l-konsumatur.
Minn naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela enfasizza dwar l-importanza li l-Gvern jibda jgħaraf verament il-ħtiġijiet tan-negozji u s-sidien tal-ħwienet. Paul Abela semma’ kemm kienet importanti laqgħa ta’ dan it-tip mal-Partit Nazzjonalista, fejn il-membri kollha preżenti semgħu dak li n-negozji għaddejjin minnu.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm fost l-oħrajn ix-Shadow Ministers Ivan Castillo, Robert Cutajar, Ivan J. Bartolo, u Jerome Caruana Cilia u l-President tal-Forum SMEs Partit Nazzjonalista, Julian Galea.
//= $special ?>