Graziella Galea, PN
Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea sostniet fil-parlament li l-prezzijiet tal-kirijiet huma piż kbir fuq dawk li jikru l-propjetà.
Graziella Galea qalet li li fl-1995 waslet fi tmiemha l-Att dwar d-Djar li kienet qatgħet abbuż li fih il-gvern kien jista’ jieħu propjetà tan-nies u jtieha lil ħaddieħor.
Hi spjegat li llum hawn eluf ta’ persuni li joqgħodu fi propjetà mikrija. Dwar il-popolazzoni, jirriżulta li f’Malta hawn iktar minn 100,000 barrani jaħdmu. Jirriżulta wkoll li minnhom, hawn 37,000 persuna mill-UE u 69,000 ħaddiem minn pajjiżi terzi. Ħafna minn dawn il-persuni joqgħodu f’postijiet mikrija.
Id-deputat Nazzjonalista semmiet il-prezz tal-propjetà u qalet li fl-2021 kien hemm 20,500 kuntratt ta’ kirja, fl-2022 kien hemm 22,500 kuntratt ta’ kirja u fl-2023 kien hemm 17,000 kuntratt ta’ kirja. Hi appellat biex isir l-infurzar meħtieġ u sostniet li d-drittijiet tal-persuni involuti għandhom ikunu garantiti.
Graziella Galea qalet li l-aktar propjetajiet reġistrati bħala mikrija jinsabu f’San Pawl il-Baħar fejn fl-2022 kien hemm 7,700 kuntratt ta’ kirja li saru fil-lokal.
Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-pressjonijiet li se jkun hemm fis-suq fosthom fin-numru ta’ persuni li jistgħu jgħixu fl-appartamenti, u żieda fil-prezz tal-kirjiet u tal-propjetà.
Jirriżulta li bejn Lulju u Diċembru 2022, kien hemm 27% tal-kirjiet fl-ammont ta’ bejn €700 u €899 fix-xhar waqt li 29% oħra kellhom kirja ta’ iktar minn €1,000. Dawn il-persentaġġi jfissru ammonti kbar mill-pagi tal-persuni li qed jikru u għalhekk joħolqu piżijiet kbar fuq il-persuni li jkunu qed jikru.