Graziella Attard Previ, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ qalet fil-parlament li l-problemi fil-kirjiet tal-propjetà ġabhom il-gvern stess.
Graziella Attard Previ qalet li hawn min nieqes mid-dinjità u l-istabbiltà għaliex jgħixu fil-garaxxijiet, kmamar maqsuma, stalel inkella appartamenti iffullati bin-nies. Dan hu riżultat ta’ gvern li ma ħoloq l-ebda settur ekonomiku ġdid u kabbar b’mod qawwi l-popolazzjoni. Dan ġab problemi kullimkien fosthom fid-djar fejn hemm abbużi kbar. Issa l-gvern donnu qed jipprova jindirizza dawn il-problemi.
Hi tkellmet kontra l-isfruttament tal-persuni u qalet li din is-sitwazzjoni hi kollha tort tal-gvern li ma ppjanax. Dan hu gvern bla viżjoni fejn il-barranin jħossuhom sfruttati u abbużati waqt li l-Maltin huma rrabbjati u nkwetatti fil-pressjonjiet kaġunati mill-popolazzjoni fosthom fil-propjetà u l-kirjiet.
Waħda mir-raġunijiet li l-prezzijiet tal-propjetà għoliet kienet li mill-2013, il-gvern ma bena l-ebda appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali. Dan effettwa l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin waqt li l-barranin qed jispiċċaw jidħlu f’ċirku vizzjuż għaliex ikollhom jaċċettaw kundizzjonijiet mhux xierqa għaliex ġejjin minn pajjiżi fejn m’hemmx kwalità tal-ħajja diċenti. Minkejja dan, hemm ħafna nies li qed jistgħanew.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li persuni li jgħixu f’numri kbar f’postijiet komuni joħolqu problemi kbar u sostniet li l-proposti tal-gvern se joħloq problemi ġodda għaliex issa l-kirjiet jistgħu jgħolew għaliex il-persuni fl-appartament iridu jinqasmu f’żewġ appartamenti. Hi qalet li l-inqas kirjiet illum huma €600 jew €700 fix-xahar u sostniet li l-aktar persuni bi problemi huma dawk separati jew li jgħixu weħidhom.
Problemi oħra huma dawk fuq iż-żgħażagħ minħabba diversi aspetti fosthom minħabba nuqqas ta’ self mill-banek.
Graziella Attard Previ qalet li ma jistax ikun li jitilqu mill-pajjiż numru ta’ infermiera barranin minħabba żidiet fil-kirjiet; għalhekk jeħtieġ li l-gvern ikollu pjan fit-tul.