Lokali Parlament

Ir-riforma fis-settur tal-kirjiet tal-propjetà għandha tkun ħolistika


Stanley Zammit, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit sostna fil-parlament li r-riforma fis-settur tal-kirjiet tal-propjetà għandha tkun ħolistika.


Fil-parlament Stanley Zammit qal li fi kliem il-Ministru Rodrick Galdes, l-emendi li qed iressaq il-gvern huma reazzjoni għal dak li ġara fis-suq tal-kera anke wara għar-riforma ta’ tliet snin ilu.


Dik ir-riforma kellha numru ta’ elementi tajbin ħafna, imma, kif kienet ikkritikata dak inhar stess, dik ir-riforma ma kienetx waħda sħiħa. L-Oppożizzjoni ivvotat favur ir-riforma proposta fis-suq tal-kera ghalkemm ressaqna numru ta’ emendi għaliex rajna li l-liġi ma kienetx se ssewwi s-sitwazzjoni li ħoloq il-gvern stess.


Illum hawn konferma li s-sitwazzjoni tal-kirjiet hija pjaga soċjali. Ir-riforma indirizzat biss marġinalment il-predominanza ta’ kuntratti qosra li jwasslu għal instabbiltà mifruxa u naqset milli tindirizza l-kwistjoni ta’ prezzijiet tal-kera għoljin wisq.


Huwa pożittiv li l-Ministru Galdes qal li jgħaraf il-ħtieġa li l-qafas legiżlattiv għandu bżonn jiġi aġġornat minn żmien għal żmien biex jirrispondi għal fenomini u ċirkostanzi ġodda, imma huwa ħafna aħjar kieku l-gvern flok ikun reattiv u jistenna li l-affarijiet jiġu żewġ ikun proattiv u jara ħafna iżjed li l-affarijiet ma jmorrux żmerġ.


Qed jingħad li waħda minn dawn l-emendi se tilimita il-massimu ta’ sitt persuni fi dwelling wieħed.
Qed tintuża l-kelma dwelling u mhux bini, fond jew dar għaliex anke hawn id-definizzjonijiet iridu ikunu kjarifikati mhux biss għall-fini ta’ dawn l-emendi imma ukoll min-naħa tal-ippjanar
Il-limitu ta’ sitt persuni diġà jeżisti fil-liġi tal-ippjanar u għalhekk kull mhu se jigri huwa biss dak li suppost ġara mill-2014.


Huwa tajjeb li fl-aħħar l-Awtorità tad-Djar se jkollha il-kapaċità, anke permezz tal-IT, li tinforza dak li ilu stabbilit snin. Dan huwa eżempju ieħor ta’ nuqqas serju ta’ ppjanar fejn qed jintuża limitu li ġie stabbilit 10 snin ilu meta l-popolazzjoni kienet kważi kwart anqas milli hi llum.


Dan il-limitu għandu jerġa’ jiġi studjat u determinat għaċ-ċirkustanzi tal-llum u ta’ għada, fejn id-densità splodiet u l-kwalità tal-ħajja ddeterjorat. Bid-definizzjoni, li dawn l-emendi ser jintroduċu, li dar tfisser ukoll kamra mikrija separatament bħala abitazzjoni jew post ta’ residenza, qed issir riferenza għal shared dwellings.


Hu tratta l-Annual Malta Residential Rental Study u qal li dwar l-affordibilità dan ir-rapport jgħid li l-kiri ta’ kamra f’shared dwelling hija l-unika possibilità affordabbli għaż-żgħażagħ bi qligħ minimu, u anke hemm ma jkun baqgħalhom residual income. Ix-xiri ta’ dar ukoll hija possibiltà rimota anke jekk, ipotekament koppja bi dħul medju jistgħu b’xi mod jirnexxielhom. Din il-konklużjoni tkompli tindika li l-għajnuniet tal-gvern huma ta’ bilfors … ma jistghux ma jkunux hemm … biex faxxa wiesa’ tas-socjetà Maltija jista’ jkollha l-vera bażiku – saqaf fuq rasha.


Hu qal li tmexxija serja, politika sostenibbli u governanza tajba, jirrikjedu viżjoni ċara, ippjanar ħolistiku dwar kif il-pajjiż se jasal ghal dik il-viżjoni, b’sinerġija bejn il-policies. B’dawn l-emendi qed tintielf

opportunità oħra li jsir ippjanar prinċipalment għaliex hawn proċess ta’ ppjanar imwaħħal u mħawwad.
Dwar ix-shared dwellings hu qal li hu għaqli li bħal fil-każ tal-ħwienet, uffiċini, lukandi u binjiet oħra jkun hemm sistema trasparenti u ċara ta’ klassifikazzjoni għal benefiċċju kemm tas-sid kif ukoll tal-inkwilin.
Hu staqsa x’se tkun l-interpretazzjoni ta’ sitt persuni jgħixu flimkien jekk kamra mikrija weħidha se tkun definita bħala dar? X’se jkunu l-planning policies għal żvilupp li jkun iddisinjat biex jinkludi x-shared dwellings?


Hu appella għal fuq qafas regolatorju li joħloq aktar stabbiltà u serħan tal-moħħ għall-inkwilini u għas-sidien, jelimina d-diskriminazzjoni u jevita sitwazzjonijiet ta’ prekarjat. L-inkwilini iridu jkunu jafu sewwa x’se jikru, skont klassifikazzjoni trasparenti u ċara. Is-sidien mhux biss iridu joffru propjetajiet skond l-istandards abbinati mal-klassifikazzjoni imma ikunu jafu ukoll liema parti tas-suq jistgħu jservu.
Irid ikun assigurat li min għandu €1,000 paga fix-xahar u jħallas kera ta’ €600 għal appartament, jiġi mħares.


Daqstant ieħor irid ikun assigurat li s-sidien ma jingidmux bħal ma jiġri numru ta’ drabi fejn l-inkwilini jaqbdu u jitilqu u jħallu numru ta’ kontijiet mhux imħallsa tal-kirja, tad-dawl u tal-ilma u tal-internet.
L-iżviluppaturi, inkluż dawk is-sidien li bi ħsiebhom idawru l-propjetà tagħhom f’shared dwellings, għandhom ikunu jafu bl-aktar mod ċar x’jistgħu jagħmlu u x’ma jistgħux abbażi ta’ sistema u policies tal-ippjanar li jirriflettu ċ-ċirkostanzi tal-llum u dak li irridu li nkunu għada, mhux b’impożizzjoni imma b’konsultazzjoni sħiħa.


Hu appella lill-gvern biex jibni fuq it-tajjeb ta’ dawn l-emendi u jieħu in konsiderazzjoni is-suġġerimenti biex dawn it-tibdiliet ikunu kompleti u biex ikun riforma ħolistika li titgħallem mill-passat, isservi għal-llum u taħseb għal għada sostenibli anke fis-settur tal-kiri tal-propjetà.